Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Mumenti ta’ tensjoni waqt allert fiz-zona tal-White House

Il-White House ta’ Washington kien suġġett għal miżuri tas-sigurtà, taħt sitwazzjoni ta’ lockdown, waqt li aġenti tas-Servizzi Sigrieti Amerikani fittxew iz-zona madwar il-kumpless Presidenzjali u żgumbraw lin-nies mill-inħawi.

Ma kienx immedjatament ċar x’seta’ wassal għat-tensjoni, meta l-awtoritajiet tas-sigurtà dehru li kienu qed jieħdu kull tip ta’ prekawzjoni fiċ-ċirkustanzi.

Is-servizzi sigrieti żiedu s-sigurtà f’inħawi speċifiċi, fost preżenza ta’ aġenti u klieb imħarrġin fuq in-North Lawn tal-White House. Il-ġurnalisti li, dak il-ħin, kienu qegħdin jaħdmu fil-White House inżammew ġewwa, permezz ta’ sistema li tippermetti biex il-bibien tal-kumpless jissakkru awtomatikament.

Il-lockdown tneħħa aktar tard, u l-viżitaturi u l-membri tal-istaff tal-White House dehru mill-ġdid qed jippassiġġaw madwar il-kumpless.

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, fil-preżent, jinsab fil-White House wara li rritorna minn żjarat fil-Lvant Nofsani u l-Ewropa. Sadanittant, il-membri tas-Servizzi Sigrieti Amerikani baqgħu ma wieġbux għal domandi speċifiċi dwar il-lockdown.