L-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister tal-Ġustizzja Jason Azzopardi u l-Kelliem għall-Ambjent Ryan Callus, ippreżentat Mozzjoni lill-Ispeaker tal-Parlament biex jiġi revokat l-Avviż Legali 103 tal-2016.
F’kummenti lill-media, Jason Azzopardi qal li dan l-Avviż Legali joħnoq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u jxekkel serjament il-ħidma li jwettqu l-partiti politiċi u organizzazzjonijiet volontarji. Hu fakkar li dan l-Avviż Legali ddaħħal mingħajr l-ebda konsultazzjoni, mhux biss mal-Oppożizzjoni, iżda lanqas mal-operaturi fis-settur u mal-korpi kostitwiti li jirrapreżentaw lin-nies tan-negozju.
Jason Azzopardi fakkar fl-istqarrijiet li ħarġu l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, kif ukoll il-GRTU, li kkritikaw dan l-Avviż Legali għax fi kliemhom, se jolqot b’mod gravi u dirett lill-membri tagħhom b’piżijiet u obbligi finanzjarji ġodda fuq in-negozji.
Min-naħa tiegħu, Ryan Callus qal li hu ċar li dan l-Avviż Legali sar bl-għaġla u bl-iskop uniku li jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jitkellem dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tad-Deputat Mexxej u Ministru Laburista Konrad Mizzi.
Hu fakkar li din ma kinitx l-unika deċiżjoni li ppruvat tagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni milli jitkellem dwar dan l-iskandlu. Semma’ li anke ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir kienet iddeċidiet, iżda kellha tirrevoka d-deċiżjoni, li l-Partit Nazzjonalista kellu dritt ta’ risposta fil-programm ta’ Reno Bugeja “Dissett” basta ma jitkellimx dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.
Ryan Callus qal li l-ebda intimidazzjoni u attakki ddisprati m’huma se jwaqqfu lill-Partit Nazzjonalista milli jkompli jikxef l-iskandli ta’ korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Preżenti għall-preżentazzjoni tal-Mozzjoni kien hemm ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
//= $special ?>

