Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni mhix kontra sieħeb strateġiku iżda hemm kundizzjonijiet li jridu jiġu rispettati

L-Oppożizzjoni mhix kontra sieħeb strateġiku iżda hemm elementi li jqajmu tħassib għall-Oppożizzjoni u li l-Gvern irid jikkonvinċiha dwarhom. L-Oppożizzjoni se tkun qed tinsisti li ċertu kundizzonijiet jiġu rispettati f’dan il-proċess. Fost dawn hemm għaliex il-kumpanija Alitalia meta għaddejja hi stess minn programm ta’ ristrutturazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel din id-dikjarazzjoni llejla fil-Parlament wara li l-Ministru Edward Zammit Lewis għamel stqarrija ministerjali dwar il-Memorandum of Understanding li ffirma l-Gvern u l-Air Malta, mal-Alitalia dwar il-futur tal-Air Malta.

Simon Busuttil saħaq fuq ħames elementi importanti li fil-ftehim li l-Gvern irid jilħaq, iridu jkunu rispettati. Dawn huma l-importanza tal-konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni; li pajjiżna ma jitlifx il-konnettività iżda tissaħħaħ; li l-Air Malta ma ċċediex it-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru; li ma jitnaqqsux ħaddiema mill-Air Malta u li l-Gvern iwieġeb għaliex sieħeb strateġiku mal-Alitalia meta hi stess għaddejja minn programm ta’ ristrutturazzjoni.

L-Oppożizzjoni se tistudja l-Memorandum of Understanding b’mod miftuħ
Simon Busuttil qal li l-importanza strateġika tal-Air Malta hi ċara u ovvja kemm għall-Gvern kif ukoll għall-Oppożizzjoni.
L-Oppożizzjoni qed tirriserva l-pożizzjoni tagħha sakemm tidħol fid-dettal ta’ dak li ntlaħaq ftehim dwaru s’issa. Fisser li qabel tgħaddi għall-ġudizzju, l-Oppożizzjoni se tistudja l-Memorandum of Understanding b’mod miftuħ u trid li tkun konvinta minn dak li jird jagħmel il-Gvern.

L-Air Malta m’għandhiex tkun politiċizzata u l-Opppożizzjoni trid kunsens nazzjonali
Simon Busuttil saħaq li fuq ass strateġiku bħall-Air Malta, il-futur tal-Air Malta m’għandhiex tkun politiċizzata u appella biex jinħoloq u jinstab kunsens nazzjonali.

Appella biex il-kunsens irid ikun mibni fuq il-verità u r-rispett reċiproku u mhux fuq stqarrijiet bħalma għamel illum il-Ministru tal-Gvern fil-Parlament fejn ta l-impresjsoni li kien f’Marzu tal-2013 telgħet ix-xemx għall-Air Malta.

Filwaqt li rrimarka li kien fl-2003 meta l-Air Malta bdiet tagħmel telf, li ma qalx hu li min kien imexxi l-Air Malta dak iż-żmien kien id-Deputat Prim Ministru tal-lum, Louis Grech, li sellimlu u awguralu fejqan ta’ malajr. Dakinhar, l-Air Malta għamlet telf ta’ 21 miljun.

L-Oppożizzjoni mhix se taċċetta stqarijriet mhux veritiera
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella mill-ġdid biex ma nippolitiċizzawx il-futur tal-Air Malta u biex il-Gvern ikun leali għax saħaq li l-Oppożizzjoni mhix se taċċetta stqarijriet mhux veritiera.

Semma l-element importanti tal-konsultazzjoni. Simon Busuttil qal li l-Gvern m’għamel ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni fi tliet snin dwar l-Air Malta. Appella lill-Gvern biex jibda jikkonsulta mal-Oppożizzjoni u jkun trasparenti.

L-Oppożizzjoni trid tassigura wkoll li l-Gvern mhux se jkun qiegħed iċedi l-kontroll ta’ dan l-ass nazzjonali u importanti meta 49% tal-ishma se jkunu f’idejn l-Alitalia. Staqsa jekk b’dak li se jkun qiegħed jiftiehem il-Gvern, effettivament hux se jinbiegġ il-kontroll tal-Air Malta.

Element ieħor importanti hu marbuta mal-konnettività ta’ pajjiżna permezz tal-linja nazzjoali tal-ajru. Talab lill-Ministru jagħti garanzija li r-rotot eżistenti se jiżdiedu mhux jitnaqqsu, u li n-numru ta’ ajruplani ma jkomplix jonqos.

L-Alitalia hi stess għaddejja minn proċess ta’ ristrutturazzjoni
Irrimarka wkoll li Alitalia li magħha qed isir il-ftehim, hi kumpanija li hi stess għaddejja min programm ta’ ristrutturar. Staqsa jekk hux se jinbiegħu l-assi lil kumpanija li għaddejja minn programm ta’ ristrutturament. Staqsa x’jiġri f’sitwazzjoni li fiha l-Alitalia tmur ħażin.

Simon Busuttil appella lill-Gvern jikkonvinċi lill-Oppożizzjoni fuq dawn l-elementi importanti meta hu magħruf li l-Alitalia ma taqdiex sew lil Sqallija. Staqsa kif se tkun qed taqdi tajjeb lil Malta. Staqsa għaliex l-għażla tal-Alitalia quddiem dawn is-sitwazzjonijiet.

Appella wkoll lill-Gvern jagħti garanzija li l-Air Malta mhux se tnaqqas il-ħaddiema fl-Air Malta li huma inkwetati gġall-futur taghom u gandho kull dritt li jkunu informati.

Simon Busuttil temm ir-reazzjoni tiegħu fil-Parlament jisħaq li l-Oppożizzjoni trid li jintlaħaq kunsens nazzjonali bil-kundizzjonijiet li semma, u tenna li se tibqa’ moħħa miftuħ biex tkun konvinta minn dak li qed iwettaq u jiftiehem dwaru l-Gvern.

Mistoqsijiet lill-Gvern
Fid-dibattitu pparteċipaw diversi membri tal-Opożizzjoni, bl-uniku membru tal-Gvern li tkellem kien id-Deputat Laburista Etienne Grech.

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg staqsa x’inhuma ħsibijiet tal-Gvern dwar il-ground handling. X’garanziji lest jagħti lill-ħaddiema kollha anke mill-aspett tal-amministrazzjoni u minn fejn se ssir din l-amministrazzjoni. L-Alitalia qed tara li ssaħħaħ il-konnettività tagħha u qed tħares lejn Air Malta biex tkun regional airline?

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech staqsa liema kienu l-linji tal-ajru li saru diskussjonijiet magħhom. Staqsa x’kienet ir-reazzjoni għas-suġġeriment dwar pożizzjoni li jkun hemm mudell ta’ kontroll aktar minn Malta, anke bis-sehem ta’ imprendituri Maltin.

Id-Deputata indipendenti Marlene Farrugia qalet li l-Maltin dejjem taw mill-ftit li kellhom biex pajjiżna jkollu l-Air Malta u s-settur tat-turiżmu. Qalet ukoll li l-poplu Malti dejjem ħallas għall-finanzjament tal-Air Malta. Illum wasalna għat-telf li naqas għal €4 miljuni u turiżmu żdied bi 12.7%. Staqsiet għaliex wara dan it-titjib wasalna biex inbiegħu daqstant ishma tal-Air Malta.

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea staqsa jekk l-informazzjoni li qal li ta l-Ministru hix indirizzata lill-unions kollha u min huma l-oħrajn li l-Ministru semma fl-istqarrija tiegħu. id-Deputat Robert Cutajar staqsa dwar x’rabta hemm bejn l-Air Malta u l-Palazz ta’ Selmun fir-rigward ta’ dan il-proċess.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo staqsa jekk l-Air Malta hix se tkun linja f’kuntest reġjonali. Qal li mhux ir-rotot jgħoddu imma l-frekwenza tagħhom. Staqsa għaliex jitħallew ċerti stakehoders importanti barra mit-taħditiet u n-negozjati.

Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, talab informazzjoni dwar użu ta’ slots li huma importanti ferm għal linja tal-ajru bħall-Air Malta, u jekk dawn humiex parti min-negozjati li qed isiru.

Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono saħqet fuq l-assikurazzjoni li ma jintilfux slots u anke stopovers. Staqsiet jekk hux se jiżdied il-prezz tat-titjiriet.

Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg staqsiet dwar jekk hux se jkun hemm żieda fil-flotta u anke dwar garanzija rigward ħaddiema, mhux biss dwar jekk hux se jkollhom xogħol imma hux se jibqgħu mal-Air Malta.

Il-Gvern irid jagħlaq in-negozjati sal-aħħar ta’ Lulju
Fl-għeluq tad-dibattitu, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-memorandum of understanding hu l-ewwel pass. Hemm punti li wasalna fihom u hemm punti li għad iridu jiġu negozjati. Irid ikun hemm proċess ta’ konsultazzjoni u kemm jista’ jkun ngħalqu negozjati sal-31 ta’ Lulju.

Spjega li l-Gvern mhux qed ifittex sħubija dwar l-ishma, imma li dawn ikollhom best practices. Irrimarka li l-Alitalia għaddiet minn fażi ħażina imma issa se tinvesti flimkien mal-Etihad. Se jsiru diskussjonijiet u qed isir studju tekniku biex ikun hemm funżjoni tan-networks. Malta se tfittex konnettività anke bi ftehim li Etihad għandha ma’ ajruporti madwar id-dinja. Ma jkunx ħażin li l-Air Malta sservi wkoll in-nofsinhar tal-Italja, iżda dan mhux se jkun l-uniku servizz fid-diskussjoni.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Air Malta lesta żżid il-flotta jekk ikun hemm ħtieġa għal dan.

Xejn fiż-żgur iżda l-Gvern se jaħdem biex jikseb l-aħjar possibbli
Dwar il-ħaddiema, il-Ministru qal li dawn ilhom inkwetati ż-żmien. Illum jista’ jkun ċelebrat pass ‘il quddiem għalkemm għad fadal ħafna x’isir. Mhu xejn fiż-żgur iżda l-Gvern se jaħdem biex jikseb l-aħjar possibbli.

Jammetti li saru diskussjonijiet ma’ linji tal-ajru oħra
Il-Ministru Zammit Lewis qal li jrid jaħdem b’aktar konsultazzjoni u kollaborazzjoni. Hu qal li d-data tal-aħħar ta’ Lulju biex isir ftehim, hi ambizzjuża iżda se jaħdem biex jinkisbu r-riżultati. Saru diskussjonijiet ma’ linji tal-ajru oħra iżda rnexxielu jasal mal-Alitalia.

Dwar possibbiltà ta’ investiment mill-Maltin, il-Ministru qal li dan hu ħsieb romantiku imma x-xejra tal-linji tal-ajru hi li jiksbu kollaborazzjoni ma’ linji b’esperjenza li kapaċi joffru esperjenza f’kull aspett biex tingħata l-akbar opportunitajiet ta’ tkabbir.
Il-Ministru qal li l-kwistjoni tal-management għadha suġġett ta’ diskussjoni. L-Air Malta tista’ tikseb ukoll esperjenza fl-aspett ta’ management.

Dwar il-Palazz ta’ Selmun, il-Ministru qal li jrid isir proċess kompetittiv biex dan jerġa’ jieħu l-ħajja.

Hu kmieni biex jingħataw risposti dwar aspetti tekniċi
Il-Ministru Zammit Lewis qal li hu importanti li jinżammu r-rotot u s-slots kollha possibbli imma hu kmieni biex jingħataw risposti dwar aspetti tekniċi.

Dwar l-investiment, il-Ministru Zammit Lewis qal li mhux iħares biss lejn il-flus. Għaddejjin diskussjonijiet dwar business plan biex b’konsultazzjoni ma’ dawk kollha interessati, l-Air Malta tieħu l-aħjar possibbli.