Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni titlob biex tiġi diskussa b’urġenza għada l-Ħamis il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi

L-Oppożizzjoni talbet lill-President tal-Kamra tad-Deputati jiddefendi l-interessi tal-Oppożizzjoni li llum hi magħmula wkoll minn membri indipendenti u mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, biex tiġi diskussa għada l-Ħamis il-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Ministru Konrad Mizzi.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, ressaq din it-talba lill-Ispeaker Anġlu Farrugia qabel ma aġġorna l-Parlament illejla.

David Agius spjega li għada l-Ħamis issir seduta biex tiġi diskussa l-mozzjoni tad-deputata indipendenti Marlene Farrugia wara li l-Gvern baqa’ ma utilizzax il-ġurnata tal-Ħamis, li hi dejjem riservata biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jalternaw biex jitressaq xogħol urġenti li ma jfixkilx is-seduti stabbiliti li jsiru nhar ta’ Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa fejn jitressaq ix-xogħol tal-Gvern.

L-Ispeaker mitlub jiddefendi l-interessi tal-Oppożizzjoni
David Agius irrimarka li l-Gvern ilu għal dawn l-aħħar disa’ ġimgħat ma jutilizzax il-ġurnata tal-Ħamis. Appella lill-Ispeaker biex jiddefendi l-interessi tal-Oppożizzjoni. Jekk il-Gvern ma jridx jutilizza l-ġurnata tal-Ħamis, l-Oppożizzjoni m’għandhiex tibqa’ tiġi mċaħħda milli tlaqqa’ l-Parlament il-Ħamis biex jiġi diskuss xogħol tal-Oppożizzjoni.

Appella lill-Ispeaker jindirizza din l-anomalija u jimxi wkoll mal-iStanding Orders tal-Kamra li jgħidu wkoll li x-xogħol tal-Oppożizzjoni jieħu preċedenza fuq ix-xogħol tal-Gvern fil-ġurnata tal-Ħamis.

Għal dawn ir-rimarki, l-Ispeaker Anġlu Farrugia spjega li l-aħħar ruling li ta marbut max-xogħol tal-ġurnata tal-Ħamis, hu ċar u jgħid li meta l-Kamra tiltaqa’ fil-ġurnata ta-Ħamis, ikun imiss ix-xogħol tal-Gvern.

Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà li jirrevedi anomaliji fir-regolamenti tal-Parlament
Irrimarka wkoll li jifhem l-argument tal-Oppożizzjoni u qal li hu punt validu. Fakkar ukoll fl-appell li kien għamel lill-Gvern biex jerfa’ r-responsabbiltà li jirrevedi anomaliji fir-regolamenti tal-Parlament.

Il-Ministru Owen Bonnici rreaġixxi għat-talba tal-Whip tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, u qal li l-Parlament għandu jimxi u josserva dejjem ir-regolamenti. Wiegħed ukoll li se jimpenja ruħu biex jiltaqqa’ l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius spjega wkoll li hu kien qiegħed jitlob biex il-mozzjoni tiġi diskusa għada l-Ħamis wara li ilu għaddej b’messaġġi bil-mowbajl bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jitlaqqa’ l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, u ma kien hemm ebda żvilupp, u dan biex tiġi diskussa l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi.

Id-deputata indipendenti Marlene Farrugia rrimarkat li jekk l-istandng orders mhux qed jagħtuha ċans li tagħmel id-doveri fil-Parlament, hemm xi ħaġa ħażina u rridu nirranġawha.

L-Ispeaker appella lill-Gvern u l-Oppożizzjoni biex ikun hemm aktar taħditiet biex fl-immedjat jitlaqqa’ l-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra biex jindirizza din il-kwistjoni.