Lokali Parlament

Promozzjonijiet fl-Armata lill-istess erbgħa li ġew promossi mal-bidla fil-Gvern

L-erba’ promozzjonijiet li ngħataw aktar kmieni dan ix-xahar fl-Armata għall-grad ta’ Kurunell, ingħataw lill-istess erba’ persuni fil-Forzi Armati ta’ Malta li mal-bidla fil-Gvern fl-2013 ingħataw ukoll promozzjoni.

Dan kien żvelat fil-Parlament mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami f’mistoqsija parlamentari li għamel lill-Ministru Carmelo Abela, responsabbli għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Beppe Fenech Adami staqsa lill-Ministru Abela jispjega kif fil-promozzjonijiet imħabbra fil-Forzi Armati ta’ Malta tat-12 ta’ April 2016, l-erba’ membri tal-Forzi Armati li ġew promossi mill-grad ta’ Logutenent Kurunell għal grad ta’ Kurunell, ilkoll kienu diġà ġew promossi mal-bidla fil-Gvern fis-sena 2013 mill-grad ta’ Maġġur għal dak ta’ Logutenent Kurunell.

Irrimarka wkoll li b’dawn il-promozzjonijiet tat-12 ta April 2016, inqabżu numru ta’ membri tal-Forzi Armati u uffiċjali li lkoll kellhom aktar snin ta’ servizz, aktar esperjenza, aktar kwalifiċi u fuq kollox aktar snin ta’ servizz fil-grad ta’ Logutenent Kurunell minn dawk l-erbgħa li laħqu.

Il-Ministru Carmelo Abela li wieġeb fil-Parlament li hu jinsab infurmat li promozzjonijiet għal grad ta’ Kurunell isiru skont il-Kundizzjonijiet tas-Servizz li jirregolaw il-Forzi Armati ta’ Malta.

Spjega wkoll li jiġi kkunsidrat kull uffiċjal fil-grad ta’ Logutenent Kurunell eliġibbli għall-promozzjoni, u li dawk magħzula jintgħażlu skont il-kriterji mniżżlin fl-istess kundizzjonijiet imsemmija qabel.

Il-Ministru Abela, li wieġeb ukoll li l-anzjanità mhix l-uniku kriterja, m’għamel ebda riferenza li dawn l-erba’ uffiċjali fl-armata kienu diġà promossi tliet snin ilu meta tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista, u issa, flimkien reġgħu kienu promossi għal grad ogħla.

Ftit tal-ġimgħat ilu, fil-Parlament, wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, b’kumpaniji u kontijiet sigrieti, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami tkellem fil-Parlament dwar kif il-Gvern hu maqbud f’morsa ta’ korruzzjoni.

Beppe Fenech Adami sejjaħ dan bħala korruzzjoni ta’ miljuni u ta’ biljuni li qed theżżeż ukoll is-sigurtà tal-pajjiż u b’korruzzjoni li tinsab fl-ogħla livelli tal-awtoritajiet ta’ pajjiżna. Kien irrimarka wkoll kif mill-ekonomija li l-Gvern jiftaħar ħafna li sejra tajba, illum qed igawdu biss il-ftit.