Lokali

“Qatt ma xtrajna żejt mis-SOCAR” – il-Ministeru ta’ Konrad Mizzi

Fi stqarrija ta’ żewġ linji, il-Ministeru ta’ Konrad Mizzi qal illi l-Enemalta u l-Enemed qatt ma xtraw żejt mingħand il-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan. Dan minkejja li rapporti fl-aħbarijiet tal-Ażerbajġan qed jindikaw illi matul l-2015 Malta xtrat 25 fil-mija tal-prodotti taż-żejt esportati mis-SOCAR barra l-pajjiż.

L-Aġenzija Vestnik Kavkaza qed tirrapporta li kwart tal-prodotti taż-żejt tas-SOCAR marru Malta, 16 fil-mija għat-Turkija u 14 fil-mija ġew esportati lejn il-Ġorġja.

Eżatt sena ilu, il-PN kien għamel pressjoni kbira sabiex il-Gvern jippubblika il-ftehim ta’ hedging li kien sar mal-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan wara l-kwistjoni li qamet minħabba r-Rapport tal-Awditur Ġenerali, li wera biċ-ċar l-indħil dirett tal-Ministru Konrad Mizzi fil-hedges li saru.

Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali joħroġ ċar li ż-żewġ hedges mas-SOCAR ma sarux mill-Advisory and Finance Board, kif kien isir normalment. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu minn barra dan il-Bord wasslu għal telf ta’ miljuni.

Sa issa, dan il-ftehim bejn il-Gvern u s-SOCAR għadu ma ġiex ippubblikat.