Lokali Parlament

Sa fl-aħħar … Konrad Mizzi jippreżenta d-Dikjarazzjoni tal-Assi

Sa fl-aħħar, il-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi ressaq id-Dikjarazzjoni tal-Assi tiegħu quddiem il-Parlament. Hu għamel dan tlett ijiem qabel jagħlaq iż-żmien li fih suppost li d-Deputati kollha riedu jissottomettu d-Dikjarazzjoni tal-Assi tagħhom, jiġifieri l-aħħar ta’ April. Miegħu ressqu d-Dikjarazzjoni wkoll numru ta’ Membri Parlamentari oħrajn li kienu għadhom m’għamlux dan.

Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Mizzi, datata 8 ta’ Frar, turi tnaqqis żgħir fid-dħul tiegħu għall-2015 minn €76,325 għal €70,325. Iddikjara wkoll depożiti bankarji ta’ €389,440 u loan ta’ €322,167.20. Fuq kollox, iżda, fid-Dikjarazzjoni tal-Assi jidhru l-kumpanija Hearnville Inc irreġistrata fil-Panama u r-Rotorua Trust fi New Zealand. Dan minbarra li ddikjara li hu s-sid ta’ dar u garaxx f’Londra, kif ukoll ta’ appartament f’Tas-Sliema u 4,000 sehem fl-MIA.

Il-Ministru Konrad Mizzi kien ilu taħt pressjoni qawwija biex jippreżenta d-Dikjarazzjoni tal-Assi tiegħu wara li ismu ssemma’ fil-Panama Papers, li żvelaw l-akbar skandlu ta’ korruzzjoni internazzjonali fl-istorja.

Hu u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama u għamlu dan ħamest ijiem biss wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Il-membri tal-Kabinett huma obbligati jressqu Dikjarazzjoni Ministerjali separatament minn dik ta’ Deputati. Din tkun telenka xi jkunu qalgħu matul is-sena u tiġi ppreżentata lill-Prim Ministru. Huma kellhom ċans jagħmlu dan sal-aħħar ta’ Marzu u l-pubblikazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni partikolari tkun fid-diskrezzjoni tal-Prim Ministru.

Dakinhar li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama f’Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu diġà kellu f’idejh id-Dikjarazzjoni tal-Assi tal-Ministru Konrad Mizzi fil-forma ta’ Abbozz. Madankollu, mhux ċar jekk kienx qed jirreferi għad-dikjarazzjoni bħala Deputat. Fil-fatt, s’issa ħadd għadu ma jaf x’fiha d-Dikjarazzjoni l-oħra ta’ Konrad Mizzi għax għadha ma ġietx ippubblikata.