Il-Partit Podemos, li jopponi għall-awsterità, jista’ jkun l-aktar entità politika li tiggwadanja minn elezzjoni ġenerali li qed tidher inevitabbli għal dan is-sajf fi Spanja.
Il-pajjiż, fil-fatt, qed tħejji għat-tieni elezzjoni fi ftit xhur wara li r-Re Felipe VI ħabbar li fallew l-aħħar round ta’ taħditiet għal gvern ta’ koalizzjoni.
Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-Podemos, bħalissa, qed jaħseb biex, ’il quddiem, jikkonferma alleanza mal-ekskomunisti fil-koalizzjoni tax-Xellug Magħqud. Dawn iż-żewġ partiti flimkien, fl-elezzjoni ta’ Diċembru, kienu kisbu 6.1 miljun vot bejniethom, kontra l-5.5 miljun vot għall-Partit Soċjalista.
Jekk il-ftehim politiku potenzjali (bejn dawn il-partiti) jidħol fis-seħħ fuq livell formali, il-Podemos jista’ jsir it-tieni l-akbar qawwa politika ta’ Spanja – bis-sitwazzjoni ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-kap, Pablo Iglesias, fin-negozjati lejn il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid f’Madrid.
Fl-istess ħin, l-istħarriġ jissuġġerixxi li x-xejriet tal-votazzjoni popolari ftit jistgħu jinbidlu minn dawk irreġistrati f’Diċembru.
L-ebda partit ma’ kien kiseb maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet fi Spanja, fejn il-partiti ġodda, fosthom il-Podemos, ġabu fi tmiem is-sistema antika fejn il-partiti tradizzjonali – il-Partit Popolari (PP) u s-Soċjalisti — iddominaw il-politika lokali.
Il-Kap tal-PP, Mariano Rajoy, ilu għal dawn ix-xhur jaġixxi bħala Aġent Prim Ministru Spanjol u elezzjoni ġdida saret, ftit jew wisq, inevitabbli wara li ma nstab l-ebda kandidat li għandu l-appoġġ neċessarju biex jieħu post Rajoy fit-tmexxija ta’ Spanja.
Il-probabbiltà hi li l-elezzjoni li jmiss fi Spanja ssir fis-26 ta’ Ġunju u mistenni li mill-ġdid ikunu ‘strumentali’ il-Partit Podemos u l-Partit (liberali) Ciudadanos li wkoll feġġ xhur ilu fix-xena.
Dawn iż-żewġ partiti ġodda gawdew min-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-elettorat, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, minħabba r-rati għolja tal-qgħad, l-awsterità u sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni fi Spanja.
//= $special ?>