Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, ikkritika l-politika ‘dejjem aktar restrittiva’ għall-immigranti fl-Ewropa u, waqt diskors lill-Parlament tal-Awstrija, qal li dawn it-tipi ta’ kontrolli jmorru kontra d-doveri internazzjonali tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Ban Ki-moon għadda dawn il-kummenti l-għada li d-deputati parlamentari Awstrijaċi approvaw abbozz ta’ liġi li tillimita d-drittijiet tar-refuġjati u li tippermetti biex il-maġġoranza tal-appelli għall-kenn politiku jkunu ‘miċħuda mal-fruntiera’.
L-UE, li l-Awstrija tifforma parti minnha, bħalissa qed issibha diffiċli biex tlaħħaq ma’ influss kbir ta’ immigranti, li l-maġġoranza tagħhom huma Sirjani.
Waqt id-diskors fi Vjenna, Ban Ki-moon, enfasizza li politika restrittiva fil-konfront tal-immigranti taffettwa negattivament l-obbligi tal-pajjiżi membri taħt il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi tal-Ewropa.
Filwaqt li Ban Ki-moon ma semma l-ebda pajjiż partikolari, id-diskors kien interpretat mill-korrispondenti bħala ‘immirat, f’parti, għall-Awstrija’.
//= $special ?>