Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jiddefendi l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea

Meta fil-Parlament Ewropew tkellem fid-dibattitu dwar id-‘discharge’ tal-Budget, il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista u Kordinatur tal-Partit Popolari Ewropew għall-Affarijiet Soċjali u x-Xogħol David Casa qal li l-aġenziji huma bżonnjużi partikolarment għall-ippjanar u l-implementazzjoni ta’ strateġija politika tal-Unjoni Ewropea.

“L-aġenziji tal-Unjoni Ewropea huma entitajiet legali separati, li kienu mwaqqfa biex jagħmlu xogħol speċifiku u importanti taħt il-qafas tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, jieħdu ħsieb it-taħriġ vokazzjonali, is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, kif ukoll l-immodernizzar tas-sistemi edukattivi u ta’ taħrig. Ix-xogħol tagħhom hu importanti ħafna biex tkun tista’ titfassal politika adegwata f’dan il-qasam”, kompla jgħid Casa.

Hu enfasizza li “s-sinerġiji, il-koperazzjoni, u l-komplimentarità reċiproka bejn dawn l-aġenziji hi importanti ħafna, tant li għandha tkun elenkata u ppreservata”. Żied li “ghalkemm dawn l-aġenziji jaħdmu fl-istess qasam, il-konklużjoni tal-evalwazzjoni annwali wriet li ma kienx hemm duplikazzjoni ta’ attività”. Hu inkoraġixxa lil dawn l-aġenziji “biex jaħdmu ħalli jkun hemm aktar koperazzjoni bejniethom u b’hekk ikun hemm mill-anqas ħela ta’ riżorsi possibbli”.

Bħala Rapporteur għall-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, David Casa analizza u għamel rakomandazzjonijiet fuq il-ħidma u l-immaniġġjar ta’ dawn l-aġenziji, kif ukoll fuq l-implementazzjoni tal-Budget ġenerali.

Id-dibattitu waqt is-Sessjoni Plenarja fi Brussell, fir-rigward tar-Rapporti Annwali tad-Discharge tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, kien ibbażat fuq ir-Rapport Finanzjarju tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2014.

Ta’ kull sena, din il-proċedura tassigura sorveljanza ‘ex-post’ demokratika fuq livell politiku ta’ kif intuża’ l-Budget annwali tal-Unjoni Ewropea. L-iskop hu li jiġi vverifikat jekk l-implementazzjoni tal-Budget tal-Unjoni Ewropea kienx konformi mar-regoli relevanti, li jinkludu l-prinċipji ta’ mmaniġjar tal-fondi.

Fid-diskors tiegħu, David Casa ffoka fuq il-ħidma u l-konformità ta’ Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, li jikkontribwixxu fl-iżvilupp tal-politika soċjali u tal-impjiegi. Hu faħħar ix-xogħol siewi tagħhom u l-immaniġġjar flimkien mar-rata tal-implementazzjoni tal-Budget tagħhom.