Editorjal

EDITORJAL: Il-ħaddiema medji u anqas b’pagi jitbaxxew

Nhar il-Ħadd infakkru Jum il-Ħaddiem f’nofs kriżi ta’ korruzzjoni. U proprju waqt li dawk fil-quċċata ta’ Kastilja ftit ġranet wara l-elezzjoni bdew jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama u jippruvaw jiftħu kontijiet sigrieti f’disa’ banek f’pajjiżi ta’ segretezza kbira, il-ħaddiema b’paga medja jew anqas bdew ibatu tnaqqis reali fil-pagi tagħhom: mill-elezzjoni ‘l hawn, il-pagi medji jew anqas lanqas biss laħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Ċifri dettaljati tal-Gvern jikkonfermaw
Dan hu kkonfermat fil-Labour Force Survey li għadu kemm ħareġ fit-23 ta’ Marzu li għadda u li hu għall-aħħar kwart tas-sena li għaddiet. Il-Labour Force Survey hu stħarriġ dettaljat ħafna li jsir fuq kampjun ta’ 3,200 familja, jiġifieri madwar 8,000 ruħ. Dan hu kampjun kbir ħafna. U l-istħarriġ fuq il-pagi jsir fuq il- payslips fiżiċi tal-pagi u għalhekk dan jagħmel l-istħarriġ ta’ min joqgħod fuqu ħafna.

Il-pagi ta’ kategoriji differenti minn Marzu 2013
Jekk tqabbel mal-pagi tal-ewwel kwart tal-2013, jiġifieri fl-elezzjoni li għaddiet, il-Labour Force Survey juri liema kategoriji raw żidiet fil-pagi u liema raw tnaqqis. Jekk imbagħad minn dawn iż-żidiet tnaqqas l-effett tal-għoli tal-ħajja, li skont l-indiċi uffiċjali tal-prezzijiet minn Marzu 2013 sa Diċembru 2015 kien 3.33%, tara jekk il-pagi laħħqux mal-għoli tal-ħajja. X’jirriżulta minn dan?

Nofs il-ħaddiema kollha b’paga reali anqas
Jirriżulta li nofs il-ħaddiema kollha – dawk fil-kategoriji ta’ pagi mal-medja jew taħtha – batew tnaqqis reali fil-pagi. Mill-aħħar elezzjoni ġenerali, iż-żidiet żgħar ferm li kellhom fil-pagi dawn il-ħaddiema lanqas biss kienu daqs l-għoli tal-ħajja. Dawn huma nofs il-ħaddiema – 78,000 – fil-kategoriji ta’:
· ħaddiema fl-uffiċini bħala clerical support workers li jitilgħu għal 21,000;
· il-ħaddiema fil-fabbriki u fil-manifattura bħal plant operators, machine operators u l-assistenti tagħhom li jitilgħu għal 10,000;
· il-ħaddiema tas-servizz u tal-bejgħ li jinkludu l-ħaddiema fil-ħwienet u li jitilgħu għal 31,000 ħaddiem; u
· l-ħaddiema fix-xogħol tal-kategorija elementari fl-istatistika li jitilgħu għal 15,000 ħaddiem.

78,000 ħaddiem b’pagi li ma laħħqux mal-għoli tal-ħajja mill-elezzjoni
Dawn flimkien – 78,000 ħaddiem, jew nofs il-ħaddiema kollha – mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn batew tnaqqis reali fil-pagi tagħhom għax iż-żidiet żgħar li kellhom lanqas biss laħħqu mqar mal-għoli tal-ħajja.

Il-ħaddiema jħallsu għall-kriżi ta’ korruzzjoni
Din hi d-differenza kbira li ħoloq Joseph Muscat: dawk li qegħdin miegħu Kastilja – l-id il-leminija tiegħu Keith Schembri, l-id ix-xellugija tiegħu Konrad Mizzi u ħabibu kbir Brian Tonna ta’ Mossack Fonseca – jiftħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama u l-kontijiet sigrieti fil-banek sa mill-għada li ħadu l-ġurament, waqt li l-ħaddiema b’paga medja jew anqas raw tnaqqis reali fil-pagi tagħhom mill-elezzjoni, għax iż-żidiet miżeri li ta Joseph Muscat lanqas biss laħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Dan hu l-mod kif il-ħaddiema qed iħallsu għall-kriżi ta’ korruzzjoni.