Il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji Becky Micallef qalet li l-KSU jinsab diżappuntat b’dak li qal il-Prim Ministru, li sostna li qatt ma kien jivvota fl-elezzjonijiet tal-KSU għax ma kienx jaraha relevanti.
Joseph Muscat kien qed jitkellem waqt l-attività “Ask JM” organizzata mill-Forum Żagħżagħ Laburisti.
“Il-kumment tal-Prim Ministru jfisser li l-KSU m’huwiex relevanti” sostniet Becky Micallef ma’ NETnews.com.mt li żiedet li “l-vot mhuwiex biss dritt iżda wkoll dmir tal-istudenti, li jeleġġu lil dawk li jkunu jridu li jirrappreżentawhom”.
Meta kien qed jitkellem, Muscat waħħal fis-sistema elettorali li tintuża biex ikun elett il-KSU.
Iżda ma’ NETnews.com.mt, Becky Micallef fissret li l-KSU ma jikkonsistix biss fl-eżekuttiv li jiġi elett, iżda jikkonsisti fi strutturi oħrajn li jirrappreżentaw aktar minn 40 għaqda tal-istudenti. “Din żgur li mhijiex sitwazzjoni ta’ ‘winner takes it all'” spjegat il-President tal-KSU..
Becky Micallef qalet li l-Prim Ministru kkanċella l-laqgħat kollha li kien hemm ppjanati bejn il-Prim Ministru u l-Kunsill tal-istudenti. “Nappella biex jekk il-Prim Ministru jrid jiddiskuti ċertu kwistjonijiet, l-ewwel jara li jżomm l-appuntamenti” temmet tgħid il-President tal-KSU.
//= $special ?>


