Jumejn oħra se jonqsu t-tariffi tar-roaming b’mod qawwi
“It-tariffi tar-roaming huma xi ħaġa tal-passat” irrimarkat l-Ewroparlamentari Roberta Metsola hekk kif jumejn oħra, dawn it-tariffi se jitnaqqsu b’mod qawwi, grazzi għal liġijiet ġodda tal-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola fakkret li ilha għal dawn l-aħħar snin tappoġġja l-impenn tal-Parlament Ewropew fil-ġlieda tiegħu kontra t-tariffi tar-roaming. Bil-liġijiet il-ġodda tal-Unjoni Ewropea, dawn it-tariffi mistennija jinqatgħu darba għal dejjem f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Sakemm jiġu aboliti, it-tariffi tar-roaming se jkunu qed jonqsu b’mod drastiku mit-30 ta’ April 2016. B’hekk, meta persuna tkun imsiefra, mhux se teħel aktar minn €0.05ċ kull minuta għal telefonati, €0.05ċ għall-użu ta’ kull ‘megabyte’ f’internet u €0.02ċ għal kull SMS f’surcharge tar-roaming.
Fl-istqarrija, Roberta Metsola qalet li dan il-pass jikkonferma l-vantaġġi li jġib miegħu is-suq komuni tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>