Wara l-Prim Ministru qal li l-Ministru Konrad Mizzi kien se jirriżenja mill-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, wara biss xaharejn fil-kariga, il-Ġimgħa il-Ministru Chris Cardona kien l-ewwel wieħed li kkonferma li se jikkontesta għal kariga ta’ Deputat Mexxej ta-Partit Laburista.
Iżda matul il-ġurnata kien hemm diversi Ministri li bdew jimbuttaw lilhom infushom pubblikament biex jinħatru Deputati Mexxejja tal-PL.
L-ewwel li beda kien Edward Zammit Lewis, fejn persuni qrib ħafna tiegħu bdew jiktbu publikament u jdawru l-kelma li hu għandu jinħatar Deputat Mexxej flok Konrad Mizzi. Iżda ftit wara li bdiet timxi din il-kelma, kien pront Chris Cardona biex iħabbar l-interess tiegħu li jinħatar deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
Chris Cardona, permezz ta’ wieħed mill-ħaddiema tiegħu u eks ġurnalista ta’ Super One, Jonathan Attard, fuq facebook kiteb li Chris Cardona għandu jkun id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, u mhux Edward Zammit Lewis.
Fuq facebook hu kiteb li Chris Cardona kien hemm biex jiddefendi lil Konrod Mizzi u Keith Schembri fl-iskandlu tal-Panama u għaldaqstant għandu jkun hu d-deputat Mexxej.
Internament fil-Partit Laburista hemm min iddeskriva dan bħala ġlieda bejn żewġ Ministri fuq l-istess distrett.
Iżda mhux eskluż li fil-ħin li ġej aktar Ministri jħabbru l-interess tagħhom li jinħatru Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, fosthom il-Ministru Owen Bonniċi.
//= $special ?>