Editorjal

EDITORJAL: Il-ħaddiema jħallsu għall-korruzzjoni

Dan Jum il-Ħaddiem nhar il-Ħadd li ġej se nfakkruh f’nofs kriżi ta’ korruzzjoni li kompliet tikber bid-daħqa fil-wiċċ ta’ Joseph Muscat li ħalla lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi eżatt fejn kienu miegħu f’Kastilja reponsabbli għax-xiri taż-żejt u l-power station dejjem aktar suspettuża. Konferma – jekk qatt kellna bżonnha – li Joseph Muscat kompliċi magħhom.

Pagi medji u anqas jitbaxxew
Għad ikun hemm ħafna kummenti dwar din id-daħqa fil-wiċċ, imma sadattant, il-kriżi ta’ korruzzjoni dejjem tikber qed iħallas għaliha l-ħaddiem, fost oħrajn, b’pagi baxxi: il-pagi medji u anqas mill-elezzjoni ‘l hawn naqsu b’mod reali għax iż-żidiet miżeri ma laħħqux mal-għoli tal-ħajja. Il-ħaddiema qed iħallsu wkoll għall-kriżi ta’ korruzzjoni b’ħafna modi oħrajn.

De La Rue, Actavis, ST Microelectronics
Waqt li l-unika industrija ġdida li Joseph Muscat ġab fi tliet snin hi dik tal-positions of trust għal 540 ruħ tal-qalba b’pagi li jlaħħqu anke 1,000 ewro fil-ġimgħa, 430 ħaddiem tad-De La Rue spiċċaw issensjati, numru ta’ ħaddiema tal-Actavis ukoll għadhom kemm spiċċaw bis-sensja, u ħaddiema tal-ST Microelectronics għadhom kemm inħarġu b’leave furzat għax qalulhom li m’hemmx xogħol.

Ħaddiema barranin u visas bil-korruzzjoni
Qed iħallsu għall-korruzzjoni wkoll dawk il-ħaddiema li qed jgħidulhom: inħaddmukom imma bit-3 ewro s-siegħa inkella flokkom indaħħlu ħaddiema barranin. Din hi l-korruzzjoni tal-visas li dal-Gvern ta bl-eluf kbar u b’korruzzjoni, u li għaliha qed iħallsu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin b’għafsa kbira fuq il-pagi.

Servizzi finanzjarji, gaming, EneMalta, AirMalta
Il-ħaddiema tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming – żewġ industriji kbar mibnijin minn Gvern Nazzjonalista – qed iħallssu għall-korruzzjoni bil-fama ħażina li ġab fuqhom Joseph Muscat kompliċi ma’ sħabu fl-iskandlu internazzjonali enormi tal-Panama. Qed iħallsu l-ħaddiema tal-EneMalta, u issa tal-AirMalta, li Joseph Muscat biegħhom. Qed iħallsu l-ħaddiema b’kuntratti ta’ tliet xhur tliet xhur mal-Gvern stess fl-iskejjel u fl-isptarijiet imħallsin bl-4 ewro fis-siegħa.

Listi twal fl-isptar: ibatu dawk bi dħul baxx
Joseph Muscat qed jigdeb li l-waiting lists fl-isptar naqsu meta l-union tat-tobba qed tgiddbu u tgħid li żdiedu. U l-union tat-tobba stess qed tgħid: l-aktar li qed ibatu bil-listi twal ta’ stennija huma dawk bi dħul baxx li ma jaffordjawx kura fil-privat.

Petrol, diesel u trasport pubbliku ogħla
Il-ħaddiema qed iħallsu għall-korruzzjoni bl-ogħla petrol u l-ogħla diesel fl-Ewropa qabel it-taxxa. Qed ihallsu dawk li jużaw it-trasport pubbliku li mhux biss għola bit-tneħħija tal-biljett ta’ ġurnata bil-€1.50 u l-card issa ġiet tiswa €5, imma s-servizz mar għall-agħar minkejja li Joseph Muscat ta 432 miljun ewro lill-kumpanija Spanjola li l-Ministru tiegħu żarha b’mod maħmuġ fi Spanja qabel taha l-kuntratt.

Waqt li ta’ madwar Muscat jiftħu l-kumpaniji sigrieti
Waqt li Keith Schembri, Konrad Mizzi u Brian Tonna li għadhom kollha ma’ Joseph Muscat f’Kastilja kienu qed jiftħu l-kumpaniji sigrieti u jippruvaw jiftħu l-kontijiet sigrieti f’disa’ banek, lil min qiegħed fil-kera tal-Gvern għollewlu l-kera, lil min idawwar xi ħaġa żgħira għal rasu ġiegħluh jerġa’ jirreġistra għall-VAT, lil min faddal xi ħaġa u investa f’ishma ġiegħluh iħallas taxxa ta’ 35%, u lill-morda bil-kanċer bagħtuhom jittallbu l-mediċini għand il-President.

Għall-korruzzjoni qed iħallsu l-ħaddiema
Dawn huma l-modi kif il-ħaddiema qed iħallsu għall-korruzzjoni u dawk b’pagi medji jew anqas mill-elezzjoni ‘l hawn raw żidiet tant miżeri li lanqas biss laħħqu mal-għoli tal-ħajja. Imma dawk li Joseph Muscat ħalliehom madwaru kienu qed japprovaw il-ftuħ ta’ kontijiet sigrieti li fihom kienu jafu li jridu jpoġġu mill-anqas miljun ewro fis-sena, kull sena.

U Joseph Muscat jilgħab bl-ismijiet waqt li jħalli lil kulħadd eżatt kif kien biex jikkonferma li hu kompliċi mal-id il-leminija u mal-id ix-xellugija tiegħu f’Kastilja fl-iskandlu enormi tal-Panama.