Lokali

FILMAT: Bid-deċiżjoni li ħa, il-Prim Ministru hu responsabbli wkoll – Simon Busuttil

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, bid-deċiżjoni li jżomm lil Konrad Mizzi bħala Ministru, u lil Keith Schembri bħala kap tal-uffiċċju tiegħu, sar responsabbli u kompliċi hekk kif issa ta l-barka tiegħu.

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li filwaqt li kien qed jitkellem l-għada tad-deċiżjoni tal-Prim Ministru, li permezz tagħha rritorna bħala Ministru anke Manwel Mallia.

“Dak li għamel il-Prim Minsitru lbieraħ hu farsa, mill-bidu sal-aħħar, imma hi xi ħaġa traġika li f’pajjiżna għandna Prim Ministru li wara xahrejn ikaxkar saqajh, iddeċieda li jżommhom,” qal Simon Busuttil.

Fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-messaġġ li bagħat il-Prim Ministru hu li m’hemm xejn ħażin f’dak li għamlu Konrad Mizzi u Keith Schembri.

“Il-Prim Ministru bagħat messaġġ lil kulħadd li hu ok li ministru l-iktar viċin tiegħu u l-kap tal-uffiċċju tiegħu jiftħu kumpanija sigrieta fil-Panama, u kont bankarju li fih suppost ipoġġu mal-miljun fis-sena,” stqarr il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil wiegħed li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li min għamel ħażin jerfa’ r-responsabilta’, għaliex dak hu li qed jitlob il-poplu, li hu rrabjat b’dak li seħħ.