Il-grupp għall-għarfien dwar iċ-ċiklisti ħareġ stqarrija li fiha kkundanna inċident li seħħ l-Erbgħa li għadda, fejn minn filmat li ttella’ fuq YouTube (ara isfel), sewwieq ta’ bowser deher jgħaddi maġenb ċiklist li kien qed isuq mal-ġenb tat-triq.
Il-filmat juri kif iċ-ċiklist baqa’ jaqdef sakemm laħaq lill-bowser, li mbgħad kien wieqaf fit-traffiku. Kien hemm fejn inqala’ l-argument bejn iż-żewġt irġiel, biċ-ċiklist jipponta subgħajh lejn ix-xufier tal-bowser, li min-naħa tiegħu ħebb għaċ-ċiklist. Dan kollu nġibed mill-camera li ċ-ċiklist kellu fuq l-elmu tiegħu. Fil-filmat jingħad ukoll li sar rapport lill-Pulizija dwar dan il-każ.
Fl-istqarrija tiegħu, il-grupp qal li hu kontra kull forma ta’ vjolenza fit-toroq, kemm jekk fil-konfront ta’ ċiklisti u anke fil-konfront ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mit-toroq. Fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet simili, il-grupp qed jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex ikun hemm Liġi li tistabilixxi d-distanza li għandu jkun hemm bejn iċ-ċiklisti fit-toroq u l-vetturi l-oħra.
Il-grupp qal ukoll li ħafna drabi, iċ-ċiklisti jesperjenzaw sitwazzjoni fejn vetturi jgħaddu viċin ħafna tagħhom. Min-naħa l-oħra, irrikonoxxa li huma biss il-ftit li jsuqu b’mod irresponsabbli fil-preżenza ta’ ċiklisti.
//= $special ?>

