Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

L-MEPs Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi jmexxu ‘l quddiem inizjattiva għal aktar sforzi fil-ġlieda kontra d-dijabete

Il-Parlament Ewropew qed jappoġġja inizjattiva taż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Maltin Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi dwar id-dijabete fl-Unjoni Ewropea, li qed jieħdu flimkien ma’ MEPs oħra u mal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete.

Fir-reazzjoni tagħha, Therese Comodini Cachia qalet li din id-dikjarazzjoni qed tkompli tgħolli d-djabete bħala prijorità fl-aġenda Ewropea. Id-dijabete taffetwa 32 miljun persuna madwar l-Unjoni. Fl-2014, f’Malta kien hawn 11% li kellhom id-dijabete, filwaqt li matul l-2013 intefqu aktar minn €114 biljun fi trattamenti fl-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tagħha, Marlene Mizzi enfasizzat li fil-preżent in-numru, li dejjem qed jiżdied, ta’ persuni bid-dijabete madwar l-Ewropa u d-dinja hu allarmanti. L-aħħar statistika turi li d-dijabete hi l-kaġun ewlieni tal-mewt ta’ aktar minn 1.5 miljun persuna kull sena u sas-sena 2040, persuna minn kull għaxra madwar id-dinja se tbati bid-dijabete.

Id-dikjarazzjoni miktuba, li ġiet iffirmata minn 383 MEP, hi inizjattiva importanti li tappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jagħti prijorità lid-dijabete, li hi ta’ tħassib fuq livell ta’ saħħa, soċjali u ekonomiku.

Id-dijabete hi kundizzjoni li taffettwa ċ-ċittadini Ewropej, irrilevanti f’liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea jgħixu. Għalhekk din hi sfida Ewropea li trid tiġi kkordinata b’mod effettiv.