Lokali

Tibqax tagħmel il-ħsara lil Malta – Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers

“Tkunx supperv u agħti widen lil min irid jara l-ġid biex ikun hemm governanza tajba fil-pajjiż. Tibqax tagħmel il-ħsara lil Malta.”

Dan kien l-appell ta’ Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers waqt diskors matul il-konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem bit-tema “Ħidma b’Viżjoni – Mill-Kliem għall-Fatti” li saret ilbieraħ fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana.

Josef Vella tkellem dwar il-qagħda inkwetanti fil-pajjiż u qal li proprju f’dan il-jum għażiż għall-ħaddiema ma nistgħux niċċelebraw b’mod xieraq u lil hinn minn kull kontroversja.

Fid-dawl tar-reshuffle li l-Prim Ministru għamel fil-Kabinett nhar il-Ħamis, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers bagħat messaġġ lill-Gvern, u lil kull Ministru li dawn mhumiex aqwa miċ-ċittadin għax kull membru li hemm fil-Kabinett hu ċittadin Malti daqs kull wieħed u waħda minna.

“Aħna nirrispettawk imma la tkażbarniex u tagħmilniex skjavi,” sostna Josef Vella, filwaqt li żied li l-Prim Ministru aħjar ma biddel xejn għax min għandu x’jaqsam mal-iskandlu tal-Panama tħalla fil-Kabinett. “Din mhix soluzzjoni tal-kriżi imma sitwazzjoni bħall-ktieb ‘Animal Farm’ ta’ George Orwell fejn “some animals are equal but some are more equal than others.”

Josef Vella irrefera għall-kelma ‘riżenja’ li fil-vokabularju tilfet is-sinifikat tagħha u llum bl-Ingliż saret tfisser time out. “Qed inħossuna vuċi fid-deżert – ma nifilħux inġarrbu iżjed”, tenna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Josef Vella, fid-diskors tiegħu, tkellem dwar il-viżjoni ta’ din il-union għaż-żmien li ġej li qal li trid tinbidel f’missjoni.

Hu tkellem dwar id-dinja tax-xogħol u l-isfidi marbutin tagħha. Dwar il-prekarjat, Vella fisser li l-UĦM dejjem saħqet u rrikonoxxiet il-prekarjat u ma waqfitx hemm, tant li tat is-soluzzjonijiet tagħha. Il-UĦM ma tistax tifhem kif il- union tat proposta konkreta, li treġi, lill-Gvern u mill-baġit ’l hawn ma sar xejn biex il-prekarjat ikun indirizzat. Allura l-mistoqsija tiġi waħidha: hemm rieda biex nindirizzaw il-prekarjat? Ma nistgħux naqgħu fin-nasba li nagħtu l-proposti tagħna imbagħad ma jsir xejn. Mhux wegħdi rridu imma fatti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM żied li jekk hemm xi ħaġa li dejjem fixklet lill-union kienet il-ħidma dwar il-Pensjonijiet tat-Tieni Pilastru. Ħadd mill-unions, ħlief is-CMTU, ma jaqbel mal-Pensjonijiet tat-Tieni Pilastru. Hu qal li m’aħniex kapaċi nħallu pensjoni adekwata fil-wirt nazzjonali. Fakkar kif Malta hi l-aħħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li, xi darba, se tkun qed iddaħħal il-Pensjonijiet tat-Tieni Pilastru.

Nitkellmu tant dwar il-bidla fil-klima imma mhux qed nagħtu kas tal-fatt li l-bwiet tan-nies ukoll qed ‘jinħallu’.

Dwar it-Tribunal Industrijali, Josef Vella qal li l-union għamlet diversi proposti għal riforma f’dan it-Tribunal u allura l-Gvern ma jistax jattakka lil din il-union li mhix taħdem fl-interess nazzjonali. Hu ħeġġeġ lill-Gvern biex jagħti kas tas-soluzzjonijiet li qed ikunu proposti mill-UĦM, fosthom li t-Tribunal ikun immexxi minn maġistrat.

Il-Gvern tela’ bl-għajta li “tista’ taħdem magħna anki jekk ma taqbilx magħna,” imma llum din inbidlet għal “tista’ taħdem magħna imma mhux bilfors naħdmu miegħek”. Semma, fost oħrajn, it-tfixkil li kien hemm f’dik li kienet il-MEPA fejn union partikulari kienet ħaġa waħda mal-management tant li saru promozzjonijiet lil min kien membru fi ħdanha. L-iskop ta’ din il-union kien li joħroġ lill-UĦM ’il barra minn dan il-post tax-xogħol. Imma oħroġ il-għaġeb ma kien hemm ebda riżenja mill-membri tal-UĦM.

Dwar il-Freeport, Josef Vella fisser dak kollu li għaddew minnu l-ħaddiema mindu l-GWU ħadet ir-rikonoxximent ta’ dan il-post tax-xogħol sena ilu. Hu spjega kif il-problemi bdew jiżdiedu jum wara jum. Vella fisser kif il-UĦM tgħallmet mit-tbeżbiża li ħadet u stinkat u għamlet minn kollox biex indirizzat in- nuqqasijiet li kien hemm. Bil-mod il-mod, il-ħaddiema li l-UĦM tilfet bdew jiġu lura. Dan għax il-ħaddiema, fost oħrajn, mhux biss kien imdejqin bil-kundizzjonijiet li kienu fihom imma saħansitra kienu mwegħdin eluf ta’ arretrati u spiċċaw biex tilfuhom. “Jekk il-Freeport ma jarax il-bidla, il-ħaddiema mhux se jimxu ’l quddiem,” sostna Josef Vella, filwaqt li żied li l-UĦM ma tigdibx mal-ħaddiema.

Għaldaqstant, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ħeġġeġ lill-ħaddiema tal-Freeport biex imorru jivvutaw b’mod ħieles nhar it-Tnejn u t-Tlieta.

Bħalma kien imwiegħed lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport (MPT), li saru negozjati dwar ftehim kollettiv fi żmien tliet xhur biex il-pakkett ta’ inċentivi jkun preżentat lill-ħaddiema, hekk jista’ jiġri mal-ħaddiema tal-Freeport – dejjem jekk jagħtu fiduċja lill-UĦM biex tirrappreżentahom.