Ambjent Lokali Saħħa

Malta ser terġa tieħu sehem fil-Euro-Melanoma Day

Għal ħafna t-tmiem ta’ April jfisser li nkunu pass eqreb lejn l-istaġun tas-sajf. Staġun li ħafna jassoċjaw ma’ temp mill-isbaħ. Temp li f’Malta spiss ikun karatterizat minn xemx tiżreġ. Iżda x-xemx hija wkoll waħda mill-kawżi prinċipali tal-melanoma, l-aktar forma serja ta’ kanċer tal-ġilda. Ir-riskju jiżdied b’mod partikolari meta wieħed jesponi ruħu b’mod dirett għax-xemx mingħajr ebda forma ta’ protezzjoni.

Esperti mediċi jwissu li meta l-Indiċi UV ikun aktar minn 7 l-importanza li wieħed jieħu miżuri ta’ protezzjoni kontra r-raġġi tax-xemx tkun għolja. L-istess esperti jwissu li saħansitra anke indiċi UV ta’ aktar minn ħamsa għandu jwassal għal miżuri ta’ protezzjoni bħal li wieħed jevita’ li jkun espost b’mod dirett għax-xemx wara nofs in-nhar.

Huwa għalhekk li għas-sbatax-il sena konsekuttiva Malta ser tkun qegħda tingaħad mal-bqija tal-Ewropa fil-kampanja ‘Euro-Melanoma Day. F’Malta din il-kampanja ser tkun koordinata mill-Maltese Association of Dermatology & Venereology (MADV), d-d-Dipartiment tad-Dermatoloġija u l-Venereoloġija u d-Dipartiment tas-Saħħa.

Euro-Melanoma Day 2016 ser ssir it-Tnejn 9 ta’ Mejju. Il-kampanja għandha l-għan li tippromwovi l-importanza tal-prevenzjoni speċjalment f’każi ta’ individwi li huma partikolarment f’sogru bħal tfal u li wieħed ifittex trattament mediku minnufih malli jkun ċar li hemm każ ta’ melanoma.

It-tema għal kampanja ta’ din is-sena hija “Ix-xemx tiżreġ kullimkien mhux biss il-baħar. Proteġi lilek nnifsek kullimkien”. Bħala parti mill-kampanja ser jitqassam materjal edukattiv, ser isiru billboards kif ukoll ser ikun hemm bosta interventi fuq il-mezzi tax-xandir sabiex l-għarfien jinxtered aktar.