Lokali

Koreana b’€10,000 lesti biex toħroġhom minn Malta u teħodhom lill-Gvern Korean

Il-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji qed tinvestiga każ ta’ tfajla Koreana li kienet waslet biex jintemmilha l-kuntratt tax-xogħol f’Malta u allura tirritorna f’pajjiżha, u li fil-pussess tagħha nstabu f’denominazzjoni kontanti €10,000. Din is-somma ta’ flus kienet bil-lest biex tinħareġ minn pajjiżna biex darba din il-ħaddiema tasal f’pajjiżha, tikkonsenja l-istess somma lill-awtoritajiet Koreani mmexxija mid-Dittatur Kim Jong-un.

il-mument qed tiżvela dan il-każ li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu meta l-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji kienu qed jinvestigaw każ ta’ possibbli traffikar ta’ ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq lejn Malta biex jaħdmu fil-fabbrika Leisure Clothing.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li din it-tfajla kienet Malta għal numru ta’ snin u kienet iġġemma’ kull ewro li kienet iddaħħal bl-iskop li darba jingħalqilha l-kuntratt tax-xogħol f’Malta, tirritorna f’pajjiżha u l-flus kollha f’denominazzjoni ta’ ewro, tgħaddihom lill-Gvern tal-Korea ta’ Fuq.

Għalkemm il-paga li kienet taqla’ f’Malta ma kenitx kbira, it-tfajla, mal-medda tax-xhur, irnexxielha ġġemma flus biżżejjed biex tellgħet is-somma ta’ €10,000. Din it-tfajla Koreana kienet kburija ħafna b’dak li kienet qed tagħmel. Hi kienet qed tħejji kollox biex il-flus tifrixhom mal-bagalja tagħha biex hekk ma jagħtux fil-għajn u hekk toħroġhom minn pajjiżna.

L-investigaturi kienu sorpriżi ħafna bl-imġiba ta’ din il-ħaddiema li minkejja t-tbatijiet li għaddiet minnhom fil-post tax-xogħol, kienet tagħmel minn kollox biex iġġemma kemm tiflaħ biex darba jingħalqilha l-kuntratt ikollha somma sabiħa u tgħaddiha lill-awtoritajiet tal-Korea ta’ Fuq.

Aktar minn każ wieħed

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li minn aktar stħarriġ li għamlu l-Pulizija Maltija rriżulta li kien hemm aktar ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq li kienu jagħmlu l-istess u darba jirritornaw f’pajjiżhom idaħħlu magħhom eluf ta’ ewro li jkunu ħadmu, stinkaw u qalgħuhom f’Malta.
Fil-preżent l-għadd ta’ ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq f’Malta hu ta’ inqas minn mija. Hemm numru minnhom impjegati mal-fabbrika Leisure Clothing li taħdem fl-industrija tat-tessuti fil-Qasam Industrija ta’ Bulebel u numru ta’ ħaddiema oħra li jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni mal-kumpanija Rite Mix li tinsab fi Triq il-Fortizza fil-Mosta li wieħed mid-Diretturi tagħha – George Gatt li spiss jiftaħar li taħt l- amministrazzjonijiet Laburisti passati kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru! Il-kumpanija Rite Mix, fost l-oħrajn, hi direttament involuta fil-proġett tal-bini tal-fly-over fil-Kappara flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji oħrajn Maltin u barranin.

Fenomenu mifrux internazzjonalment

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq jiġu jaħdmu Malta biex jaqilgħu flus f’denominazzjoni ta’ ewro u mbagħad jeħduhom lura f’pajjiżhom hu fenomenu mifrux ukoll internazzjonalment. Ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq ilhom jintbagħtu lil hinn minn pajjiżhom biex jaqilgħu flus f’denominazzjonijiet oħra – l-aktar fiċ-Ċina u fir-Russja. Madankollu teżisti preżenza kbira ta’ ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq f’pajjiżi oħrajn bħalma huma fil-kontinent Ewropew u f’dak Afrikan.
Statistika mhux uffiċjali turi li filwaqt li sal-2012 kien hemm mal-65,000 ħaddiem mill-Korea ta’ Fuq mibgħuta jaħdmu ‘l barra minn pajjiżhom biex jaqilgħu flus barranin, wara li Kim Jong-un ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, dan tela’ għal madwar 100,000 Korean.

Jeżilja ħaddiema barra mill-pajjiż

Ġeneralment dawn il-ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq jispiċċaw maqbuda fi ċrieki ta’ xogħol b’kundizzjonijiet xejn dinjitużi. Madankollu l-Gvern dittatorjali tal-Korea ta’ Fuq, bis-sanzjonijiet imposti fuqu min-Nazzjonijiet Uniti, l-unika ħaġa li tinteressah hi li jeżilja temporanjament ħaddiema minn pajjiżu biex hekk ikollu sors ta’ dħul ta’ flus f’muniti barranin.
Minn diversi każi li ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq, minkejja t-tbatijiet li jgħaddu minnhom u l-isfruttar fil-postijiet tax-xogħol, jippreferu li jgħaddu minn tali esperjenza għaliex xejn xejn ikunu ‘l bogħod mill-ħajja diffiċli li jgħixu f’pajjiżhom. Anki jekk bosta drabi l-istess ħaddiema Koreani jkollhom jispjunaw fuqhom lil xi ħadd minn sħabhom stess.
Hu stmat li ta’ kull sena l-Gvern dittatorjali tal-Korea ta’ Fuq, permezz ta’ dan l-isfruttament tal-ħaddiema tiegħu stess, idaħħal mal-$2.3 biljun f’munita barranija.

Ħaddiem Korean sparixxa minn Malta

Sadattant sorsi li tkellmu ma’ il-mument żvelaw kif fl-aħħar ġimgħat persuna mill-Korea ta’ Fuq li kien jaħdem f’Malta għeb flimkien ma’ żewġ kollegi tiegħu li mbagħad instabu jaħdmu fil-kostruzzjoni tramite l-kumpanija Rite Mix. Madankollu dan il-ħaddiem partikulari baqa’ sal-ġurnata ta’ llum unaccounted for u l-Pulizija ma jafux x’seta’ sar minnu u għaliex ‘sparixxa’ minn pajjiżna bl-aktar mod ħesrem. Wieħed mis-suspetti tal-Pulizija hu li dan il-ħaddiem partikulari seta’ b’xi mod ħarab minn Malta, iżda f’dan l-istadju l-Pulizija ma hi teskludi xejn.