Id-differenza bejn il-kliem u l-attitudni fl-attività politika qatt ma setgħet tkun definita aktar minn f’dan il-perjodu mqanqal li fih il-Partit Laburista u aktar minn hekk il-Priministru Joseph Muscat qiegħed jitlef il-kredibilità.
Biex inkun ġust irrid immur pass lura u nqis li l-kredibilità tiegħu qatt ma kienet waħda rispetabbli għal kollox minħabba li Joseph Muscat innifsu kien waħda mill-aktar vuċijiet b’saħħithom f’kampanja twila kontra l-Unjoni Ewropea, sabiex imbagħad kien wieħed mill-ewwel nies li qabeż fuq iċ-ċans li jmur jaħdem fi ħdan l-Istituzzjoni tal-Parlament Ewropew bħala Ewroparlamentari. Din hija xhieda konkreta li ma tistax tieħdu fuq il-kelma!
Daqstant ieħor, illum nistgħu inqisu li Joseph Muscat ta’ qabel l-Ewropa huwa l-istess Joseph Muscat Priministru. Matul il-leġiżlatura preċedenti l-kritika ewlenija tal-Oppożizzjoni Laburista fil-konfront tal-Gvern kienet iddominata minn diskors fuq is-sens ta’ instabbiltà fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li biex inkunu ċari, kellhom bażi speċjalment lejn l-aħħar tal-istess leġiżlatura. Huwa ironiku iżda, li f’inqas minn tliet snin ta’ Gvern Laburista, kliem Joseph Muscat qiegħed issa jdur fuqu u għad irridu naraw jekk l-instabbiltà li kien tant jakkuża lill-Partit Nazzjonalista biha u tant tkaża daqslikieku kienet xi dnub kbir hijiex qiegħda tnawwar lill-Partit Laburista u l-Gvern li kellu jkollu l-aqwa kabinett fl-istorja politika Maltija.
Għall-kuntrarju tal-għaqda fil-Partit Laburista, il-Gvern huwa maqbud f’kunflitt intern li saħansitra wassal lill-Priministru jikkundanna l-kelma libera tal-Kabinett u d-deputati tiegħu. Iż-żmien ikompli jagħtina parir meta jittieħed il-vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi. It-tneħħija ta’ Toni Abela minn Deputat Mexxej u l-ħatra ta’ Konrad Mizzi minfloku, minkejja li mifni minn kull aspett bl-iskandlu tal-każ tal-Panama, u issa l-u-turn tal-Priministru li talbu jirreżenja mill-ġdid, hija evidenza biżżejjed li Joseph Muscat mhux qiegħed jafda fit-tmexxija lil min mhuwiex tal-qatgħa tiegħu f’tentattiv iddisprat li jgħaqqad Partit li issa jidher biċ-ċar li qabad jixxaqqaq ftit ftit.
Kienu diversi Ministri, hekk kif allegat il-midja u sorsi qrib il-Partit Laburista nnifsu, li ħarġu jitkellmu fil-pubbliku dwar jekk il-Ministru Mizzi għandux jirreżenja jew le, b’uħud jistennewh jerfa’ r-responsabbiltà. Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-każ innifsu, tajjeb li nissuġġerixxi li l-attitudni ta’ George Vella, Evarist Bartolo, Louis Grech, Godfrey Farrugia u esponenti oħrajn li b’mod indirett talbu għar-riżenja tal-Ministru 9saħansitra ġimgħat ilu) huwa għal kollox kontradittorji għall-għaqda interna li jrid jipprova jitkellem dwarha Joseph Muscat. Aktar minn hekk, hemm ukoll konflitti serji bħal pereżempju bejn il-Ministru Evarist Bartolo u d-Deputat Charles Mangion li jkomplu jsaħħu l-fatt li jekk xejn, il-Partit Laburista mhux talli mhux jaqbel fuq il-politika tiegħu internament imma talli issa ix-xquq qed joħorġu wkoll fil-beraħ, anke wara r-riżenja kiesħa u bierda tad-Deputata Marlene Farrugia li fissret kif il-Gvern jinsab fuq missjoni ta’ ingann, fuq kollox lill-valuri soċjalisti tiegħu li kienu l-pedament imma li llum huma biss ix-xewqa ta’ min verament jemmen fil-Partit Laburista msejjes fuq is-soċjaliżmu.
Għalhekk l-instabbilità qabel xejn hija kkawżata mill-fatt li l-Partit Laburista tbiegħed għal kollox mill-għeruq tiegħu u qabad miexi fuq prinċipji lil hinn minn dak li jagħmlu tali partit. Din, fil-politika, hija riċetta għal distruzzjoni li eventwalment tperreċ partit bħala merċenarju fuq livell populist. Il-populiżmu mhux dejjem jimxi id f’id mal-ideoloġija politika ta’ partit, u din hija eżattament il-problema tal-qiegħ li qiegħed jaffaċċja l-Partit Laburista, minkejja kull sforz biex tinħeba.
Aktar mal-Gvern ikompli jrażżanha, aktar qiegħda tkompli tispunta ‘l fuq minn xquq ġodda li jixirfu minn wara dahar il-Priministru. Oliver Friggieri f’poeżija minn tiegħu jagħmel analiżi ħelwa ta’ kif l-imħabba, bħal fjura tispunta mqar fi xquq il-blat. L-istess il-Partit Laburista, id-differenza fl-opinjoni ta’ x’inhi l-vera roadmap qiegħda tispunta mqar fl-aktar mumenti li fihom l-għaqda tkun proġettata bħala l-bażi fundamentali tal-Partit.
Minn kull xaqq qed jinbet ix-xewk u l-għollieq.
Din l-opinjoni dehret fil-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd, 1 ta’ Mejju 2016.
Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 distrett għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.