Editorjal

EDITORJAL: Il-konferma tal-kompliċità tal-Prim Ministru

Ħafna kienu l-kummenti li laqgħu b’mod ħażin it-taparsi taqlib li għamel il-Prim Ministru fil-Kabinett nhar il-Ħamis. Kull min jaħseb b’moħħu ħassu insultat minn Prim Ministru li jipprova jidħaq bin-nies f’wiċċhom u, li kif ngħidu bil-Malti, ipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel b’tibdil li mhux ħalla kollox kif kien, imma ġabu agħar.

L-ebda azzjoni quddiem skandlu enormi
Għax jekk qabel kellna l-fatti ċari għala l-id il-leminija, Keith Schembri, u l-id ix-xellugija tal-Prim Ministru f’Kastilja, Konrad Mizzi, kellhom itiru; u jekk qabel kulħadd stenna li Joseph Muscat jieħu azzjoni mill-ewwel; u jekk qabel kulħadd ittama li għallinqas jieħu azzjoni tard; issa għandna mhux xi azzjoni imma l-konferma tal-kompliċità tal-Prim Ministru fi skandlu enormi.

Konferma ta’ kompliċità li ilha ċara xahrejn
Konferma għax il-kompliċità ta’ Joseph Muscat ilha ċara xahrejn mill-gideb ovvju li gideb biex jgħatti lil idejh il-leminija u x-xellugija. Il-fatt li ma keċċiehomx mill-ewwel u l-fatt li gideb magħhom għal xahrejn sħaħ diġà kien għamlu kompliċi.

Il-power station u x-xiri tal-fuels jibqgħu Kastilja
Imbagħad, nhar il-Ħamis, fost stennija li jdejh it-tnejn imsemmijin tant biċ-ċar u tant bil-qawwi fl-iskandlu internazzjonali kbir tal-Panama kienu se jtiru, anke jekk tard ħafna ħafna bħal Manwel Mallia u bħal Michael Falzon, il-Prim Ministru mhux talli ma tajjarhomx, talli ħalliehom eżatt fejn kienu: Keith Schembri b’poter enormi f’Kastilja fuq il-kuntratti tal-Gvern u Konrad Mizzi f’Kastilja wkoll b’responsabbiltà għall-enerġija li hi l-ewfemiżmu għax-xiri tal-fuels – kif sar mid-dittatura korrotta tal-Ażerbajġan – u l-power station ġdida dejjem aktar maħmuġa u dejjem aktar tinten.

Jew itiru kollha jew ma jtir ħadd minnhom
Issa sar aktar ċar milli kien qabel li t-tlieta ta’ Kastilja huma mmazzrati flimkien li jew itiru kollha jew ma jtir ħadd minnhom. Jerġa’, sħab il-Prim Ministru rrifjutaw b’qawwa li jirriżenjaw mill-Gvern quddiem talbiet anke pubbliċi minn sħabhom tal-Kabinett. Dan ikompli jikkonferma l-kompliċità tal-Prim Ministru li – wara li kien qed jgħid li se jieħu azzjoni – sħabu f’Kastilja la rriżenjaw u lanqas neħħiehom, anzi ħalliehom eżatt fejn kienu kif riedu huma. Hi loġika l-konklużjoni: il-Prim Ministru ħalliehom fejn kienu mhux għax ma jridx ineħħihom, mela, imma għax ma jistax.

Xiri tal-fuels u power station maħmuġin u jintnu
Joseph Muscat mhux biss ikkonferma l-kompliċità tiegħu – li diġà kienet ovvja bil-gideb li qatta’ xahrejn jigdeb – imma kkonferma wkoll kemm tinten il-power station li suppost ilha lesta sena u xahrejn u x-xiri tal-fuels mill-Ażerbajġan. Kieku ried jagħti sinjal li mhux hekk, kien jagħmel Ministru ġdid tal-enerġija u jaqlagħha barra Kastilja. Għandu ‘l min jagħmel fuq l-enerġija kieku jrid – mhux biss mill-Kabinett preżenti imma wkoll mill-backbenchers li wieħed minnhom kien saħansitra Chairman tal-EneMalta. Imma le; il-Prim Ministru ħalla l-power station tinten f’idejn l-istess tlieta ta’ Kastilja. U biex żgur jinsulta lil kulħadd, reġa’ daħħal lil Manwel Mallia.

Il-konferma tal-loġika dwar l-azzjoni
U għalhekk is-sitwazzjoni issa ġiet agħar. L-iskandlu tal-Panama fl-aħħar xahrejn involva mill-ewwel u biċ-ċar tnejn mit-tlieta ta’ Kastilja; issa għandna bil-konferma tal-loġika dwar l-azzjoni li l-involviment hu tat-tlieta.