Lokali

Editorjal mimli attakki mill-Orizzont

Il-ġurnal Laburista tal-GWU, l-Orizzont, li jipproġetta lilu nnifsu bħala “indipendenti” jkompli jattakka lill-ġurnalisti u lill-media indipendenti li qed tagħmel id-dover tagħha u tistħarreġ l-iskandli li qed iwettaq il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat.

L-aħħar fost dawn l-attakki kien l-Editorjal tal-lum, l-għada ta’ Jum il-Ħaddiem. Fl-Editorjal, bit-titlu “Risposta”, l-Editur Josef Caruna attakka diversi kategoriji tas-soċjetà, fosthom lill-media indipendenti The Times u The Malta Independent, li jsejħilhom “ġurnalisti devjati, spjuni miżerabbli u aġenti provokaturi tal-Partit Nazzjonalista”.

Quddiem il-kriżi ta’ korruzzjoni li għaddej minnha dan il-Gvern, il-ġurnal tal-GWU jattakka b’mod indirett lil dawk il-Laburisti li ġenwinament qed jikkritikaw is-sitwazzjoni preżenti. Lil dawn, l-Editur isejhilhom “nies ta’ fidi żgħira” u li “jinġarru mal-ħamla kif jinfetaħ attakk fuq sħabhom.

Aktar attakki mill-ġurnal kienu indirizzati lill-persuni mis-soċjetà ċivili li qed jitkellmu bi dritt dwar l-iskandli li qed iwettaq il-Gvern. Lil dawn, isejħilhom nofs tużżana falluti li dejjem ġew riġettati mill-poplu biex ma jkomplux jiddillirjaw u jitkellmu f’isem xi soċjetà ċivili.

L-Editorjal sostna li l-attività Laburista fil-Belt qajmet lill-ġgant Laburista li issa, skont l-Editur, reġa’ stenbaħ.