Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ma jridx jagħti informazzoni u ma jridx jippubblika inkjesti li saru fl-operat tal-Gozo Channel fl-aħħar tliet snin.
Meta dan l-aħħar wieġeb mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, il-Ministru Anton Refalo għażel li jaħbi l-informazzjoni minflok ma jippubblika r-riżultati ta’ inkjesti biex ikun trasparenti.
Chris Said staqsa lill-Ministru Refalo jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il inkjesta interna jew investigazzjoni interna talab il-Ministeru tiegħu dwar għoti u/jew ħruġ ta’ tender u għoti ta’ servizzi jew xogħol wara kwotazzjonijiet u għoti ta’ direct orders mill-kumpanija Gozo Channel.
Talbu wkoll jagħti informazzjoni dwar min għamel dawn l-inkjesti jew investigazzjonijiet u biex ipoġġi kopja tar-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien mal-passi li ħa l-Ministeru fuq dawn ir-rapporti li saru.
Għal din l-informazzjoni mitluba mix-Shadow Minister Chris Said, il-Ministru Anton Refalo qal biss li l-inkjesti interni jew investigazzjonijiet li kien hemm kollha kienu konnessi ma’ materja maniġerjali u li minħabba s-sensittivita kummerċjali tagħhom mhux għaqli li jiġu ppubblikati.
B’din ir-risposta, il-Ministru Refalo kompla fl-iistess linja politika ta’ Ministri oħra tal-Gvern ta’ Muscat li jinħbew wara l-iskuża tas-sensittività kummerċjali biex ma tingħatax l-informazzjoni fil-Parlament.
//= $special ?>