Ambjent Lokali

Wara aktar minn 100 sena, Kokka tax-Xagħri tbejjet f’Santwarju tal-Għasafar

Kokka tax-Xagħri (Short-eared Owl) bejtet b’suċċess f’Malta wara aktar minn 100 sena. Birdwatchers u Ornitoloġisti, Ray Galea, Alvin Farrugia, Daniel Bonnici, Steve Zammit Lupi u Nick Galea mill-BirdLife Malta osservaw par adulti tal-kokka b’imġieba territorjali li normalment tindika l-possibbiltà li dawn l-għasafar kienu qed jippruvaw ibejtu.

Matul sensiela ta’ ġranet li sar monitoraġġ ta’ dawn l-għasafar, minn distanza ‘l bogħod biex ma jiddisturbawx lill-għasafar, il-Birdwatchers ġabru biżżejjed evidenza biex tikkonferma dan ir-rekord. Il-post tal-bejta qed jinżamm temporanjament kunfidenzjali għall-benefiċju tas-sigurtà ta’ dawn l-għasafar, għalkemm jista’ jingħad li dawn jinsabu f’Santwarju tal-Għasafar, li hu żona protetta fejn l-ebda kaċċa ma hi permessa.

In-Naturalist Giuseppe Despott kien kiteb dwar żewġ każijiet ta’ bejtiet tal-istess speċi fil-viċinanzi tas-Siġġiewi u Wied Żnuber f’Mejju 1906 u f’Mejju 1909 rispettivament. 74 sena wara, fl-1983, bejta b’ħames bajdiet kienet ġiet misjuba fuq Kemmuna, iżda l-bejta sfat abbandunata u kienet bla suċċess.

Il-Kokka tax-Xagħri hi tajra tal-priża li tiekol prinċipalment firien u ġrieden u normalment tikkaċċja ftit qabel inżul u tlugħ ix-xemx. Hi għasfur li normalment jidher fil-passa tar-Rebbiegħa u tal-Ħarifa, bi ftit għasafar jippruvaw anke jqattgħu x-Xitwa fil-gżejjer Maltin.