Fil-ġuri fil-konfront ta’ Godfrey Gambin u Adel Babani riesaq lejn tmiemu. Godfrey Gambin ta’ 40 sena mill-Iklin u Adel Babani ta 51 sena imwieled fil-Libja, jinsabu akkużati b’assoċjazzjoni u importazzjoni ta’ ftit inqas minn 20 kilogramma droga cannabis. L-allegat reat seħħ fil-lejl ta’ 30 ta’ Ġunju 2010 fil-bajja tax-Xemxija. Qabel mal-ġurati jintbagħtu jiddeliberaw, huma kienu indirizzati mill-Imħallef Edwina Grima dwar il-prinċipji legali li għandhom jiġu osservati mill-ġurati meta jaslu għall-verdett tagħhom.
Iktar kmieni llum, id-difiża temmet it-trattazzjoni tagħha. L-Avukat Malcolm Mifsud, li qed jidher għal Adel Babani, qal li l-verżjoni li taw il-klijent tiegħu u l-akkużat l-ieħor Godfrey Gambin kienet korroborata bix-xhieda u bil-fatti u li l-verżjonijiet li l-akkużati taw separatament jaqblu. Hu qal li Nabiel Saleh daħħal lil Babani fi xkora. “Kien hemm ftehim,” sostna Mifsud, “iżda dan kien biex jiġbru lil Nabiel minħabba li kellu problemi bil-visa tiegħu”. Nabiel Saleh kien fil-veru mira tal-investigazzjonijiet tal-iskwadra ta’ kontra d-droga tal-Pulizija, sostna Mifsud.
Nabiel Saleh kien it-tielet persuna akkużata b’dawn ir-reati iżda dan jinsab maħrub minn Malta. Hu qal li l-Pulizija qabdu u ressqu lil Babani meta ma investigawx fil-fond dwar l-intenzjoni reali tiegħu. Id-Difiża ta’ Babani fl-akkużi kollha miġjuba kontrih hi li ma kienx jaf li kienet se tiddaħħal id-droga. L-Assoċjazzjoni, l-importazzjoni ta’ persuna f’Malta ma kienux dwar droga. L-istess għall-pussess.
Id-Difiża tħoss li l-provi li ġabet il-prosekuzzjoni ma jpoġġu ebda dubju li Babani ma kienx jaf li kienet se tiddaħħal id-droga. Anki l-probabbilta’ li x’aktarx ma kienux hemm għad-droga hi biżżejjed biex il-ġurati jirritornaw il-verdett ta’ mhux ħati.
Ilbieraħ, l-Avukat Franco Debono, għan-nom tal-akkużat Godfrey Gambin temm id-difiża tiegħu billi sostna li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx l-intenzjoni ta’ Gambin li jwettaq ir-reati li kien akkużat bihom. Hu kkritika wkoll l-operat tal-Pulizija u l-kwistjoni tal-konsenja kontrollata li saret magħrufa fi stadju ta’ ġuri minflok fi stadju iktar bikri tal-proċeduri. L-Avukat Debono tenna wkoll li l-Prosekuzzjoni lanqas ma rnexxielha tipprova li d-droga verament ġiet minbarra l-pajjiż għaliex ma pproduċietx xhieda mill-Forzi Armati li jikkonfermaw li d-dgħajsa ġiet minn barra it-territorju Malti.
Fit-trattazzjoni tagħha, il-prosekuzzjoni argumentat dwar il-kwistjoni tal-konsenja kontrollata li saret bl-awtorizzazzjoni tal-Maġistrat u għaldaqstant hi konformi mal-liġi. Il-Prosekuzzjoni tenniet li Babani u Gambin kienu miftehmin bejniethom u ma’ persuni oħra barra mill-pajjiż biex jimportaw konsenja kbira ta’ reżina ta’ kannabis. Il-Prosekuzzjoni rreferiet ukoll għax-xhied tal-espert tal-Qorti l-Ispiżjar Mario Mifsud li spjega li joint jista’ jinħadem b’0.3 grammi biss ta’ kannabis, li jfisser li l-kwantita’ ta’ droga li nqabdet kienet biżżejjed biex jinħadmu 65,000 joint li juru li din il-konsenja ma kienitx għall-użu personali tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni argumentat li kien hemm diversi diskrepanzi fix-xhieda tal-akkużati li turi n-nuqqas ta’ kredibilita’ tagħhom. Għaldaqstant, il-Prosekuzzjoni qed issostni li fuq l-evidenza li ġiet preżentata matul il-ġuri, l-akkużati Gambin u Babani għandhom jinstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Giannella Camilleri Busuttil u Nadia Attard mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Alfred Abela u Mario Mifsud qed jidhru għal Godfrey Gambin. Adel Mohammed Babani hu assistit mill-Avukat Malcolm Mifsud.
//= $special ?>