Lokali

Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fis-settur tal-enerġija tħalli l-aqwa riżultati

Iċ-ċifri maħruġa llum mill-Eurostat jikkonfermaw kemm il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fis-settur tal-enerġija qed tħalli l-aqwa riżultati.

Fi stqarrija ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qalet li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi li l-emmissjonijiet tal-CO2 f’Malta naqsu bi kwart matul is-sena li għaddiet – li hu l-akbar tnaqqis fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Dan it-tnaqqis kien possibbli grazzi għall-investiment li għamel il-Gvern Nazzjonalista fl-interconnector li mhux biss qed jiggarantixxi arja aktar nadifa, iżda anke kontijiet tal-enerġija irħas għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Investiment li wassal ukoll biex tkun tista’ tingħalaq il-Power Station tal-Marsa. Dan minbarra l-Power Station tal-BWSC li wkoll qed twassal għal arja aktar nadifa u traħħis fil-kontijiet.

Iċ-ċertifikat mill-aqwa li tagħtna l-Unjoni Ewropea llum huwa wkoll konferma kemm il-Power Station il-ġdida ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi – li mhux biss tinsab tard iżda anke taħt investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali – pajjiżna m’għandux bżonnha biex iraħħas il-kontijiet għaliex diġà traħħsu grazzi għall-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista.