Lokali Qorti

Jekk ma kienux iħallsu żewġ depożiti ta’ €168, kienu jitkeċċew u jiġu deportati

Tliet ħaddiema Filippini dalgħodu xehdu quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li kienu ntalbu mill-employers tagħhom biex iħallsu depożitu ta’ €168 ewro kull xahar għal xahrejn jew inkella jitkeċċew u jkunu deportati lura lejn pajjiżhom.

Il-ħaddiema kienu qed jixhdu hekk kif kompla l-każ li qed jinstema’ fil-konfront tad-diretturi tal-kumpanija Mr Clean li qed ikunu akkużati fost oħrajn bi traffikar tal-persuni. Joseph Degiorgio ta’ 71 sena u wliedu Paul Degiorgio ta’ 47 sena, Christopher Degiorgio ta’ 42 sena u Josianne Bugeja Degiorgio wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Ix-Xhieda qalu li ġew Malta biex jaħdmu mal-kumpanija permezz ta’ aġenzija fil-Filippini f’Diċembru tal-2014 wara li ħallsu madwar €6,500 kull wieħed. Bħax-xhieda ta’ qabilhom, ix-xhieda tal-lum, żewġt irġiel u mara, stqarru li kuntrarju għal dak li ffirmaw fil-Filippini, il-kuntratt ġdid li ffirmaw f’Malta ma kienx ikopri spejjeż ta’ akkomodazzjoni u ikel. Huma fil-fatt iffirmaw kuntratt ieħor f’Malta u qatt ma ngħataw kopja tiegħu.

Waqt il-kontroeżami, ix-xhieda taw verżjonijiet kontrastanti dwar għalxiex inqatgħu dawk il-€168 ewro mill-paga tagħhom. Filwaqt li tnejn mix-xhieda ma kienux jafu eżatt, it-tielet xhud qal li hu staqsa lill-akkużat Joseph Degiorgio għaliex tnaqqas dak l-ammont mill-paga fejn qallu li d-depożitu hu forma ta’ “rabta” (bond) f’każ li dawn jitilqu mill-kumpanija.

Ix-xhud kompla li Degiorgio qallhom li min mhux se jiffirma kuntratt li fih jitħallsu żewġ pagamanti ta’ €168 f’Marzu u April, dawn kienu jispiċċaw mingħajr impjieg u deportati. Id-Difiża rrimarkat li din id-deċiżjoni ġiet revokata tant li ma kienx hemm tnaqqis fil-paga tax-xahar ta’ April. Qalet li ukoll li l-impjegati kienu mistiedna fl-uffiċċju tal-kumpanija sabiex jingħataw spjegazzjoni iżda ħadd mill-impjegati ma attenda.

Ix-Xhieda stqarrew li qabdu u telqu mill-impjieg mingħajr ma infurmaw lill-employers tagħhom wara li d-diretturi tressqu quddiem il-Qorti minħabba li beżgħu li jispiċċaw fl-inkwiet.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Busuttil u John Spiteri. L-Avukat Joe Giglio qed jidher għal Josianne Bugeja Degiorgio filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Veronica Camilleri qed jidhru għal Joseph, Paul u Christopher Degiorgio. L-Avukati Lara Dimitrejevic u Anne Marie Bisazza qed jidhru parte civile