Koppja Ingliża fetħet protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra kumpanija ta’ servizzi finanzjarji wara li tilfet £150,000 f’investimenti li għamlet. Fil-protest, il-Koppja Andrew u Jennifer Downing sostnew li kienu kkuntrattaw lill-kumpanija Hollingsworth International Financial Services Ltd bi struzzjonijiet ċari u bil-miktub li xtaqu jinvestu fi prodotti ta’ natura “low risk”.
Il-Protest ikompli li flok segwew l-istruzzjonijiet jew il-preferenzi indikati mill-klijenti, il-kumpanija biegħet lill-protestanti investimenti ta’ riskju għoli li huma saħansitra spekulattivi u li tali prodotti li nbiegħu mis-soċjeta’ lill-koppja Downing huma prodotti li skont ir-regoli tal-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, huma intiżi biss għal investituri ta’ esperjenza soda fil-qasam finanzjarju.
Il-Protest ikompli li b’konsegwenza tan-negliġenza fit-twettiq tal-inkarigu mogħti lilha mill-protestanti, il-kumpanija Hollingsworth International Financial Services, il-koppja Downing ġarrbet telf finanzjarju li preżentement jaqbeż mija u ħamsin elf lira Sterlina (£150,000) u li jista’ jkompli jiżdied maż-żmien.
Il-Protestanti għaldaqstant qed iżommu lill-kumpanija responsabbli għad-danni u jinterpellawha li jersqu għall-likwidazzjoni tad-danni. Il-Protest kien iffirmat mill-Avukati Stefano Filletti u Jasmine Abela.
//= $special ?>