Dalgħodu kulħadd qam jitkellem dwar isem wieħed – Leicester City. It-tim Ingliż li bħal ħolma rebaħ il-Premiership fl-Ingilterra. Meta sa sena ilu, dan it-tim kien qed jirriskja li jiġi relegat.
Trasformazzjoni kbira għal Leicester, xprunata mill-kowċ Claudio Ranieri u l-gowls ta’ Jamie Vardy u l-Alġerin ta’ 25 sena Riyad Mahrez.
Il-formazzjoni ta’ Leicester tiswa’ £63 miljun. Ammont li lanqas hu biżejjed biex tixtri plejer wieħed bħal Messi, Bale, Ronaldo, De Bruyne jew Pogba.
Għaliex is-suċċess ta’ Leicester huwa sorpriża?
Għall-bookmakers Ingliżi, ir-rebħ tat-titlu minn Leicester kien meqjus impossibbli. Fil-fatt, fil-bidu tal-istaġun l-imħatri kienu ikkalkulati fil-livell ta’ 5000/1 – fi kliem qasir, minn lagħab sterlina, rebaħ ħamest elef!
Nistennew aktar sorpriżi?
Fuq il-media soċjali, meta issoltu naraw lill-Maltin jargumentaw fuq kollox, Leicester għaqqad lil kulħadd fi front komuni ta’ apprezzament għal dan it-tim sorpriża. U ħafna ikkummentaw li s-sena 2016 se toffrilna ferm aktar sorpriżi.
Diġa’ rajna dak li qed jiġri fl-Istati Uniti fejn l-isem ta’ Donald Trump qed jiddomina l-elezzjonijiet Presidenzjali. Politiku kontroversjali ħafna, li xorta qed jiġbed lejh appoġġ popolari.
Oħrajn qed jittamaw li s-sorpriżi sbieħ ikomplu anke fil-ġranet li ġejjin, partikolarment fil-konkors tal-Eurovision.
Mhux sigriet li l-Maltin għandhom tamiet kbar għall-edizzjoni ta’ din is-sena li se ssir fi Stokkolma, fejn pajjiżna se jipparteċipa fl-ewwel semi-finali eżatt bħal lum ġimgħa. Ira Losco se tkanta fl-aħħar post, bil-kanzunetta ‘Walk On Water’ favorita li mhux biss tikkwalifika iżda saħansitra tirbaħ il-Eurovision ta’ din is-sena.
Min jaf?! Forsi veru li din is-sena se tkun is-sena tas-sorpriżi.
//= $special ?>