Il-Kummissjoni Ewropea se tagħti approvazzjoni kkundizzjonata biex iċ-ċittadini Torok jivvjaġġaw mingħajr viża lejn iz-zona Schengen tal-Ewropa, li tippermetti moviment mingħajr il-ħtieġa ta’ passaporti.
Is-sorsi infurmati li ħarġu bl-aħbar qalu li dan il-pass lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża hu parti minn ftehim mat-Turkija li qed tieħu lura l-immigranti li qasmu mill-Baħar Eġew lejn il-Greċja.
Filwaqt li mistenni li l-Kummissjoni Ewropea, għada, tħabbar dan il-pass b’mod formali, qed jingħad biċ-ċar li t-Turkija xorta trid tirrispetta l-kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Dan meta l-ftehim dwar il-viża jeħtieġ ikun approvat mill-Parlament Ewropew u l-Istati-membri tal-Unjoni.
L-Unjoni Ewropea tinkwieta li t-Turkija ma tikkontrollax l-immigrazzjoni bla rażan mingħajr ftehim (dwar il-viża) li jikkonċerna lit-Torok. Dan meta l-influss enormi tal-immigranti u r-refuġjati li qegħdin jaslu fl-Ewropa mit-Turkija u l-Afrika ta’ Fuq ħoloq kriżi politika fost l-Istati tal-Unjoni Ewropea.
Taħt il-ftehim bejn l-UE u Ankara, l-immigranti li waslu l-Greċja illegalment minn wara l-20 ta’ Marzu għandhom jintbagħtu lura t-Turkija jekk ma japplikawx għall-kenn politiku, inkella jekk it-talba tagħhom tkun miċħuda.
Id-deċiżjoni imminenti dwar l-ivvjaġġar tibbaża fuq waiver li jxolji l-kriterju fejn it-Torok iridu japplikaw għal viża ta’ tliet xhur (għal waqfa qasira) fiz-zona Schengen li huma, s’issa, jeħtieġu bħala turisti jew għall-mawriet tax-xogħol. Iżda ċ-ċirkustanzi l-ġodda ma jagħtux id-dritt lit-Torok li jsibu x-xogħol fl-Ewropa.
Ir-Renju Unit, l-Irlanda u Ċipru ma jiffurmawx parti miz-zona Schengen u, għaldaqstant, se jkomplu jimplimentaw il-kriterji stabbiliti tal-visa fir-rigward tat-Turkija.
//= $special ?>