Internazzjonali

Lejn penali akbar, fl-Awstralja, għal kumpaniji li jużaw mezzi ‘offshore’ biex jevitaw it-taxxa

Il-kumpaniji multinazzjonali li jmexxu l-qligħ jew profitti fi skemi offshore biex jevitaw it-taxxa għandhom jiffaċċjaw penali sostanzjali taħt miżuri ġodda konnessi mal-baġit tal-Awstralja.

Il-kumpaniji li jinqabdu ‘f’dan it-trasferiment ta’ qligħ u assi’ se jkunu intaxxati bir-rata penali ta’ 40 fil-mija, aktar milli bis-soltu rata ta’ 30 fil-mija.

Intant, l-ewwel baġit imħabbar mit-Teżorier tal-Istat, Scott Morrison, qed jitqies bħala ‘messaġġ ta’ persważjoni’ mill-Gvern lill-elettorat qabel l-elezzjoni bikrija li se ssir, fl-Awstralja, fit-2 ta’ Lulju. Dan meta l-Gvern qed jipprova jiġġenera l-finanzi addizzjonali biex jibbilanċja għal qtugħ fit-taxxa.

Meta kellem lill-Parlament Awstraljan, Morrison qal li ‘kulħadd, irrispettivament mill-grad, irid iħallas it-taxxa xierqa u dovuta u li dan jgħodd ‘b’mod partikulari għall-korporazzjonijiet kbar u multinazzjonali’.

L-indikazzjonijiet, issa, huma li l-kumpaniji multinazzjonali li jgħaddu l-qligħ tagħhom offshore se jkunu intaxxati bil-penali ta’ 40 fil-mija taħt sistema ta’ taxxa magħrufa bħala diverted profits; simili għall-Google tax li introduċa r-Renju Unit matul is-sena li għaddiet.

L-Uffiċċju tat-Taxxa fl-Awstralja se twaqqaf skwadra ta’ speċjalisti (magħmula minn 1,000 element) dwar l-iskemi u inizjattivi intiżi għall-evażjoni tat-taxxa. L-esperti se jikkonċenetraw fuq il-kumpaniji kbar u, daqstant ieħor, individwi sinjuri li qed jiżgiċċaw mill-impenji tat-taxxa.

Il-Gvern Awstraljan qed jaħseb ukoll biex jiġġenera l-finanzi bit-tneħħija ta’ xi benefiċċji tat-taxxa fuq il-flus imfaddlin għall-irtirar, min-naħa tas-sinjuruni.

Il-miżuri tal-baġit kienu relattivament modesti u ħafna minnhom kienu magħrufa qabel id-diskors ta’ Morrison, f’Canberra.