Internazzjonali

Qorti Taljana tiddeċiedi li ‘mhux reat li tisraq l-ikel għax bil-ġuh’

L-Ogħla Qorti tal-Appell fl-Italja ddeċidiet li persuna li tisraq ammonti żgħar tal-ikel biex ittaffi l-ġuh ma tkunx qed twettaq reat.

Il-maġistrati annullaw il-kundanna għal Roman Ostriakov, Ukren li qed jgħix mingħajr saqaf fuq rasu, wara li hu kien seraq xi ġobon u zalzett minn supermarket għall-valur ta’ 4.07 ewro. Il-qorti, fil-fatt, iddeċidiet li Ostriakov seraq l-ikel ‘minħabba l-ħtieġa immedjata u essenzjali biex isostni lilu nnifsu’ u, għaldaqstant, hu ma wettaqx reat.

Kien fl-2011 li Ostriakov inqabad meta kien lest biex joħroġ minn supermarket, f’Genoa, wara li ma ħallasx għall-oġġetti tal-ikel kollha li kellu fuqu. Erba’ snin wara , hu kien ikkundannat dwar serq fejn weħel sitt xhur ħabs u multa ta’ 100 ewro. Iżda l-każ tiegħu tressaq għal appell fuq bażi li l-kundanna kellha titnaqqas għal ‘attentat ta’ serq’, peress li r-raġel ma laħaqx telaq mis-swali tas-supermarket fil-ħin meta nqabad.