Lokali

Tliet toroq kummerċjali fil-Belt mingħajr dawl mis-2pm

Il-ħwienet fi tliet toroq kummerċjali fil-Belt ilhom aktar minn siegħa (mis-2pm) mingħajr provvista tal-elettriku.

Numru ta’ impjegati ta’ ħwienet minn Triq ir-Repubblika, Triq Merkanti u Triq San Zakkarija għamlu kuntatt ma’ NETnews.com.mt qalu li meta l-istabbiliment tagħhom kien mimli bin-nies, fosthom numru ta’ turisti, spiċċaw ma jistgħux ikomplu jaqdu lill-klijenti.

Kawża ta’ dan, ristoranti u bars kellhom jagħlqu l-bibien għax qed jibżgħu li jkollhom ħsarat fl-apparat. Min-naħa l-oħra, ħwienet oħrajn ukoll qed isibu diffikultà biex jaħdmu minħabba li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku qed tikkawżalhom problema ta’ sigurtà fis-sensors u l-cameras li għandhom fl-istabbiliment, kif ukoll fis-sistemi tal-ħlas u l-istocks.

Il-persuni li tkellmu magħna qed jappellaw lill-awtoritajiet biex isolvu din is-sitwazzjoni mill-aktar fis, almenu billi jkollhom aġġornamenti xierqa dwar meta possibbilment tirritorna l-provvista tal-elettriku.