L-ewwel tliet xhur tal-2016 wasslu għal żieda ta’ 3.9% fin-numru ta’ inċidenti tat-traffiku meta mqabbel mal-istess xhur fl-2015 b’total ta’ 3,713 inċident irrappurtat. Fl-istess xhur kien hemm żieda wkoll fin-numru ta’ persuni li weġġgħu kawża tal-inċidenti. F’dan il-każ, iż-żieda kienet ta’ 29% fuq l-ewwel tliet xhur tal-2015, biex laħħqu l-467.
Mill-persuni feruti, 262 kienu xufiera, b’224 minnhom isofru feriti ħfief u 35 sofrew feriti gravi. 35 persuna oħra (15-il passiġġier u 20 persuna li kienet fit-triq) ukoll sofrew feriti gravi. Ma’ dawn, wieħed irid iżid ukoll 124 passiġġier u 45 persuna mexjin fit-triq li sofrew feriti ħfief. Barra minhekk, tliet xufiera u passiġġier tilfu ħajjithom kawża tal-inċidenti.
Dan kollu ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li spjegat ukoll kif 73% tal-inċideti li seħħew bejn Jannar u Marzu li għaddew kienu nvoluti fihom karozzi żgħar filwaqt li fi 15.4% kienu nvoluti muturi. Min-naħa l-oħra, f’6% tal-inċidenti kienu nvoluti vetturi kbar.
Skont l-istess statistika, l-aktar ġurnata li fiha weġġgħu nies fl-inċidenti tat-traffiku kienet is-Sibt, għalkemm l-aktar ġurnata li fiha seħħew inċidenti globalment kienet il-Ħamis. Min-naħa l-oħra, l-inċidenti seħħew l-aktar bejn id-9am u 12pm. Min-naħa l-oħra, l-anqas li seħħew inċidenti kien bejn 12am u t-3pm.
L-akbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku għall-ewwel tliet xhur tal-2016 kienu rreġistrati f’Birkirkara, f’Ħal Qormi u l-Marsa.
(Ritratt: mill-Arkivji)
//= $special ?>