Lokali Parlament

17-il gidba jew inkompetenza tal-Ministru Konrad Mizzi

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli elenkat 17-il gidba jew inkompetenza tal-Ministru Konrad Mizzi marbuta mas-settur tal-enerġija waqt li kkritikat bil-qawwa kif l-etika politika ma teżistix fid-dizzjunarju tal-Ministru Konrad Mizzi u tal-Prim Ministru Muscat.
Ix-Shadow Minister għall-Enerġija, it-Trasport u l-Ambjent qalet fil-Parlament li l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi tressqet għax matul dawn l-aħħar xhur kulħadd qed jitkellem fuq l-aġir tal-Ministru Konrad Mizzi u tal-aġir tal-PM.

Spjegat li flok qed niddiskutu liġijiet biex intejbu l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, qegħdin niddiskutu l-aġir ta’ xejn mhu xejn tal-Ministru Konrad Mizzi u tal-PM.

L-etika fil-politika tfisser li tiftaħ kumpanija sigrieta l-Panama
Irrimarkat li għall-Ministru Konrad Mizzi, l-etika fil-politika tfisser li tiftaħ kumpanija sigrieta l-Panama ħalli ma tħallasx taxxa; li tiftaħ trust fi New Zealand ħalli ma tkunx traceable; u li ħamest ijiem wara li sab ruħu fil-Gvern imur iħaffef jiftaħ kumpanija u kontijiet sigrieti.

Marthese Portelli elenkat 17-il wegħda elettorali li għamel il-Ministru Konrad Mizzi qabel l-elezzjoni meta kulħadd jiftakar il-preżentazzjoni li għamel b’ħafna pompa u ftaħir għall-qasam tal-enerġija bl-iskop wieħed kien li dakinhar jidher biss sabiħ.
Saħqet li dawn il-wegħdi jew kienu gidba jew inkompetenza.

Gidba li l-Enemalta ma kinitx se tiġi privatizzata
L-ewwel wegħda li ssarrfet f’gidba kienet dik li l-Enemalta mhix se tkun privatizzata. Gidba oħra kienet li se jraħħas il-prezzijiet tad-dawl bil-power station il-ġdida għaliex sal-lum il-power station ta’ Konrad Mizzi ma tidher imkien.
Kien ukoll wiegħed li se jsib investitur privat sod meta l-investitur ewlieni tal-konsorzju li għażel Konrad Mizzi kien fallut tant li kellu jwarrab mill-konsorzju.

Il-wegħda li l-power station tal-gass se ssir kollha minn investiment privat ukoll kienet gidba għaliex għamel tajjeb għal dan l-investiment il-poplu Malti u Għawdxi b’garanzija statali li fi kliem il-Ministru tal-Finanzi stess hija “unika u bla preċedent”.
Gidba oħra kienet li kien se jiftiehem fuq kuntratt ta’ għaxar snin u issa ntrabat għal 18-il sena.

Semmiet ukoll kif Rapport tal-Gasol kixef kif il-Ministru gideb ukoll jew wera li kien inkompetenti meta llum qed jirriżulta li Konrad Mizzi għamel costings ħżiena u kalkoli ħżiena wkoll meta kien qal li l-power station se titlesta f’sentejn.

Irrimarkat li kienet gidba oħra meta qal li n-negozji u l-industrija qegħdin iħallsu fost l-ogħla kontijiet tal-enerġija u li gvern ġdid se jegħleb din l-isfida u se jraħħas il-kontijiet. Dan għaliex il-Country Report tal-UE 2016 juri li t-tariffi tad-dawl għal dawn l-industriji huma fost l-ogħla fl-UE minkejja li kien hemm traħħis.

Prezzijiet tal-petrol u d-diesel għoljin
Wegħda oħra li ma żammx kienet li se jġib il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fost l-irħas fl-UE meta ilna għal dawn l-aħħar sena u nofs inħallsu ogħla mill-average Ewropew. Illum, il-prezz tad-diesel hu s-sitt l-ogħla fl-UE u aktar minn €0.60 mill-medja Ewropea. L-irħas pajjiż fl-UE qed iħallas €0.28 irħas fil-litru fid-diesel. Għall-prezz tal-petrol, l-irħas pajjiż qed iħallas €0.31 irħas minn Malta.

Gidba oħra jew inkompetenza hi marbuta mal-hedging, fejn l-Awditur qal li bl-indħil dirett tal-Ministru biex jinxtara l-fuel mis-Socar, wassal biex pajjiżna tilef €14-il miljun.

Semmiet ukoll il-gidba l-oħra li l-impjant tal-BWSC hu fabbrika tal-kanċer meta rapporti tal-Kummissjoni Ewropea juru li naqsu l-emissjonijiet u l-impjant għadu jitħaddem minn dan il-Gvern.

Dwar l-interconnector, il-Ministru Konrad Mizzi kien qal li fil-proċess tal-użu tal-interconnector, il-Gvern se jkun trasparenti fil-mod kif il-Gvern ser ikun qed jixtri l-elettriku, b’kemm u minn fejn. Staqsiet fejn hi t-trasparenza u jekk hux veru li ġieli nxtara l-elettriku b’inqas minn €0.50/MW hour?

Kjuwijiet twal fl-ARMS jilmentaw dwar il-kontijiet
Marthese Portelli semmiet li kien wiegħed ukoll li l-kontijiet tad-dawl se jintbagħtu b’mod iktar frekwenti. Sejħet din bħala gidba oħra meta quddiem il-customer care tal-ARMS qed ikun hemm kjuwijiet twal jilmentaw dwar il-kontijiet.

Dikjarazzjoni oħra kienet li se jsalva lill-Enemalta u l-metodu li uża kien li l-ħaddiema jkunu ttrasferiti fuq entitajiet oħrajn tal-Gvern bħalma kien fil-każ ta’ numru kbir ta’ ħaddiema li marru mal-President. Metodu li ra €17-il miljun f’salarji jgħaddu fuq is-settur pubbliku u ma baqgħux aktar fuq l-Enemalta.

Fakkret ukoll kif f’Mejju tal-2013, fil-Parlament, Konrad Mizzi kien qal li l-pjan se jippreżentah sal-aħħar tal-2013, meta sal-lum għadna bla strateġija. Kien wiegħed ukoll li se jagħti water-saving kit lill-familji Maltin u Għawdxin kollha meta sal-lum għadu ma sar xejn.

Ix-Shadow Minister fakkret ukoll li l-mira tal-Gvern li jlesti l-power station tal-gass kienet Marzu 2015. Il-Ministru Konrad Mizzi ma laħaqx din il-mira u għamlu mira għal Ġunju 2016. Dan lanqas mhu se jintlaħaq u issa kumpaniji barranin qed jgħidu li l-proġett se jitlesta fl-2017.

Ma’ dan kollu, Marthese Portelli elenkat ukoll is-segretezza li hemm dwar il-kuntratti li nnegozja Konrad Mizzi.