Il-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern ta’ Muscat biex ma jibqax iweġġa’ l-intelliġenza tan-nies, u lill-Ministru Konrad Mizzi biex ma jibqax jigdeb.
Fid-dibattitu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra Konrad Mizzi, Beppe Fenech Admai qal fil-Parlament li Konrad Mizzi ittradixxa u biegħ il-fiduċja li tah il-poplu, lilu u lill-partit tiegħu. Tliet snin ilu, il-poplu Malti eleġġa lill-Partit Laburista u lil Konrad Mizzi biex iwettqu l-programm elettorali, iżda issa l-Parlament qed jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi wara li nqabad li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama. Jirriżulta li wara biss ħamest ijiem mill-elezzjoni ġenerali, Konrad Mizzi kien diġà faqqas l-idea u ta struzzjonijiet biex titwaqqaf kumpanija fil-Panama. Dan hu insult għal-Laburisti ġenwini. Sal-lum m’hemm l-ebda ċaħda li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu diġà taw ordni biex tinfetaħ kumpanija fil-Panama.
“Tibqgħux tinsulentaw l-intelliġenza tal-poplu billi tgħidu li Konrad Mizzi kien naive meta fil-fatt Konrad Mizzi kien jaf x’qed jagħmel meta għażel il-Panama. Konrad Mizzi mhux naive u għamel bħal ħafna politiċi korrotti, fosthom it-tfal ta’ Gaddafi li fetħu kumpaniji l-Panama. Konrad Mizzi għamel bħall-ħabib tiegħu l-President Aliyev tal-Ażerbajġan u ta’ pajjiżi fejn hemm korruzzjoni qawwija.”
Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern biex ma jibqax iweġġa’ l-intelliġenza tan-nies. Lil Konrad Mizzin appellalu biex ma jibqax jigdeb. Mizzi u Schembri qabbdu lill-Mossack Fonseca, kumpanija korrotta, li għandha r-rappreżentant tagħha bl-uffiċċju f’Katsilja. Dan, Brian Tonna hu ħobża u sikkina mal-Prim Ministru, ma’ Konrad Mizzi u ma’ Keith Schembri. Mhux naive li tiftaħ kumpanija fil-Panama u ħbieha fi New Zealand.
Sensiela ta’ gideb mill-Ministru Konrad Mizzi
Konrad Mizzi gideb meta fetaħ il-kumpanija fil-Panama biex ipoġġi d-dħul mill-proprjetajiet ta’ Malta u tal-Ingilterra iżda għaddew tmien xhur u ma ntefa’ fiha xejn. Jirriżulta li l-proprjetà ta’ Tas-Sliema hemm self fuqha u għalhekk ma tistax tintefa’ fil-kumpanija. Għaddew seba’ xhur u l-proprjetà ta’ Londra qatt ma tpoġġiet fil-kumpanija.
It-tieni gidba kienet li l-kumpanija nfetħet għall-kirijiet tal-proprjetà. Din hi gidba u insult għaliex il-kumpanija tiswa l-eluf kull sena biex titwaqqaf. Għaliex ma tpoġġietx il-kera jekk din kienet ir-raġuni, staqsa Fenech Adami?
It-tielet gidba kienet li l-mara ta’ Konrad Mizzi hi Ċiniża. Dan l-argument ma jagħmilx sens għaliex m’hemmx raġuni għaliex tiftaħ kumpanija l-Panama għas-sempliċi raġuni li persuna tkun miżżewġa persuna oħra barranija. Din hi gidba.
Il-poplu hu rrabjat għall-Gvern u għall-aġir tal-Prim Ministru
Il-poplu hu rrabjat għall-Gvern u għall-aġir tal-Prim Ministru fejn il-poplu Malti qed jiġi ttrattat ta’ imbeċilli.
Ir-raba’ gidba hi dwar il-kont bankarju meta Konrad Mizzi qal li m’għandux kont bankarju u li għandu biss €92. Konrad Mizzi ried ibellagħha lin-nies li l-kumpanija ma kienx se jkollha kont bankarju. Ħadd m’hu jemmen lil Konrad Mizzi għaliex irriżulta li ipprova jiftaħ kont bankarju f’disa’ banek barranin. Konrad Mizzi kellu paniku għaliex kellu xi ħaġa li ried idaħħal f’dawn il-kontijiet u beda jħabbat il-bibien ta’ dawn il-banek minn Dubaj sal-Panama. Beppe Fenech Adami qal li Konrad Mizzi ta l-approvazzjoni lill-konsulenti tiegħu u ntrabat li fil-kont bankarju se jpoġġi miljun dollaru fis-sena.
Gideb b’xamma kbira ta’ korruzzjoni
Dan hu gideb li fih xamma kbira ta’ korruzzjoni. Lill-banek, Konrad Mizzi qalilhom li se jpoġġi l-konsulenzi fil-kontijiet li ried jiftaħ. X’konsulenzi huma dawn? Dan ifissser li Konrad Mizzi kien se jdaħħal flus li ma kinux ġejjin mill-ħidma ministerjali tiegħu. Lill-banek, Konrad Mizzi qalilhom li se jpoġġi flus ġejjin mis-senserija. Dan hu tixħim u korruzzjoni, sostna Fenech Adami.
Il-Viċi-Kap tal-PN qal li l-poplu ma jistenniex żbalji intenzjonali u sostna li meta l-banek ma tawx kont, Konrad Mizzi qal li se jpoġġi l-flus mill-igaming. Konrad Mizzi kien qed jgħid il-verità meta lill-banek qalilhom li kien se jpoġġi flus ġejjin mir-riċiklaġġ, sostna Beppe Fenech Adami.
Bla dubju li l-poplu Malti jappoġġja l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi għaliex il-pożizzjoni tiegħu mhix iktar tenibbli.
//= $special ?>