Lokali Parlament

Dak li għamel il-Ministru Konrad Mizzi affettwa r-reputazzjoni ta’ Malta

Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li dak li għamel il-Ministru Konrad Mizzi m’affettwax biss ir-reputazzjoni tiegħu u tal-Gvern tiegħu iżda affettwa r-reputazzjoni ta’ Malta. L-apoloġija mhix se taffettwa u taġevola r-reputazzjoni ta’ Malta.

Fid-dibattitu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, Mario de Marco tkellem dwar l-involviment ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri fl-iskandlu li faqqa’ disa’ ġimgħat ilu, li hu ddeskrivih bħala l-ikbar skandlu dinji ta’ korruzzjoni b’kumpaniji sigrieti fis-settur finanzarju.

Irrifera għall-iskużi li ġab Konrad Mizzi u qal li minkejja dak li qal Konrad Mizzi, il-flus mill-propjetajiet m’għaddewx fil-kumpaija. Għalhekk Konrad Mizzi gideb għaliex l-unika ħaġa li għaddiet fit-trust kienet l-ishma tal-kumpanija sigrieta fil-Panama.
Il-kompetenza ta’ Konrad Mizzi mhix is-suġġett għad-diskussjoni f’din il-mozzjoni ta’ sfiduċja. L-ebda kuntratt li ffirma Konrad Mizzi f’isem il-poplu Malti għadu ma kien ippubblikat, fosthom il-ftehim mas-SOCAR, il-power purchase agreement mal-Electrogas dwar xiri għal 18-il sena u l-kuntratt tal-bejgħ tal-power station tal-BWSC.

Hemm ukoll il-kuntratt tal-bejgħ ta’ terz tal-ishma tal-Enemalta, sostna Mario de Marco, li qal li l-Ministru Mizzi jibqa’ jaħdem bi flus il-poplu. Hu semma li l-power station kellha tkun lesta fi żmien sentejn meta sal-lum il-power station għad ma tlestietx. Dan filwaqt li l-impjant tal-power station ta’ Delimara ma kellux jibqa’ jaħdem bl-HFO. L-unika wegħda li wettaq kienet li traħħsu l-kontijiet tad-dawl; iżda din ma kinitx dovuta għall-kompetenza ta’ Konrad Mizzi iżda għaliex il-prezz taż-żejt waqa’.

Messaġġ li l-PM mhux se jirrispetta l-intelliġenza tan-nies
Il-poplu hu mxebba’ bl-iskandlu tal-Gvern u jridu li dan jingħalaq, sostna Mario de Marco, li kompla li kien ikun aħjar li kieku l-Prim Ministru m’għamel xejn milli għamel il-farsa li fiha l-Prim Ministru bagħat messaġġ li mhux se jirrispetta l-intelliġenza tan-nies.

Ir-rabja mhix fost in-Nazzjonalisti biss iżda fost il-poplu ta’ rieda tajba. Kien il-Ministru Edward Sciculna li appella lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet iebsa fl-interess nazzjonali. Minkejja dan, il-Prim Ministru ma ħa l-ebda deċiżjoni, la iebsa u lanqas bżjonnjuża biex jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta.

Anki l-eks-Prim Ministru Alfred Sant appellalu biex jipproteġi l-interessi ta’ Malta. Ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi minn Deputat Mexxej tal-PL ma taffettwa bl-ebda mod ir-reputazzjoni ta’ Malta.
Il-Viċi-Kap tal-PN semma l-messaġġi li bagħtu l-Ministri Evarist Bartolo u Edward Scicluna, u tal-Whip Laburista Godfrey Scicluna, li bagħtu messaġġi ċari.

Dan hu vot dwar il-valuri li għandhom jiggwidaw lill-politiċi dwar jekk huma jiġġudikawhomx skont il-valuri tas-sewwa jew il-valuri ta’ min jiftaħ kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Mario de Marco sellem il-pass deċiżiv li ħadet Marlene Farrugia meta ppreżentat din il-mozzjoni. Sostna li l-pajjiż irid jimxi lil hinn minn dan l-iskandlu, iżda l-problema m’għandhiex tinħeba.