L-isport hu mera tal-ħajja u jagħtina ħafna tagħlimiet f’ħafna oqsma. Nhar it-Tnejn ġrat xi ħaġa fil-futbol Ingliż li tgħallimna li nies li jaħdmu bil-qalb flimkien jegħlbu l-flus, anke ħafna flus. Il-Premier League Ingliż intrebaħ mit-tim ta’ Leicester City.
Flejjes dejjem akbar fil-Premier League Ingliż
Il-kuntest ikabbar din il-ġrajja. Il-Premier League Ingliż sar segwit fid-dinja kollha b’miljuni kbar deħlin fih fi drittijiet tat-television u xiri ta’ clubs minn biljunarji dinjin li mbagħad jixtru l-aqwa players u coaches dinjin li llum jilagħbu l-Ingilterra.
Jiksru storja ta’ 20 sena
Fl-20 staġun ta’ qabel dan, il-Premier League rebħu kull darba tim minn Londra jew Manchester. Leicester City sentejn ilu kienu telgħu fil-Premier wara nuqqas ta’ 10 snin. Imma sa kważi l-aħħar tal-istaġun l-ieħor kienu l-aħħar. Kien biss wara li l-belt ta’ Leicester reġgħet difnet b’dinjità kbira lir-Re Rikkardu III – li l-iskeletru tiegħu kienu ħaffru għalih fejn l-arkeoloġi basru li seta’ ndifen 530 sena qabel – li t-tim ta’ Leicester temm l-istaġun l-ieħor b’għadd ta’ rebħiet biex kemm kemm salva.
Probabilità ta’ wieħed kontra 5,000
Dan l-istaġun, Leicester City bdewh bi probabilità kontrihom mill-kumpaniji tal-logħob tal-flus ta’ wieħed kontra 5,000. Bdew b’kollezzjoni ta’ players miċħudin minn timijiet oħrajn. Il-players ta’ Leicester kollha f’daqqa jiswew anqas minn nofs player wieħed ta’ Manchester City. F’knockout bħall-FA Cup, sitt logħbiet biss u ftit fortuna jagħtuk it-tazza; il-Premier League jeħtieġ konsistenza fuq 38 logħba.
Tim li jaħdem flimkien bil-qalb
Il-futbol bħal ħafna oqsma tal-ħajja jeħtieġ grupp ta’ nies jaħdmu flimkien bil-qalb: tim. Dan hu li bena l-coach Taljan Claudio Ranieri f’din il-ġrajja li tagħmel il-qalb, bla pressjoni żejda fuq il-players tiegħu, bla ksuħat ma’ ħaddieħor. Dan hu li ta lill-players tiegħu: ir-rebħa tal-kuraġġ u tad-determinazzjoni fuq il-ħakma tal-flus. F’132 sena ta’ Leicester City fil-futbol, ma kienu rebħu l-aqwa diviżjoni qatt. Rebħu issa, fost il-ġganti tal-flus, it-tim tal-qlub.
Il-gruppi jegħlbu l-individwaliżmu
L-ossessjoni tal-individwaliżmu u tal-flus qed tmarrad ħafna oqsma tal-ħajja dinjija u f’ħafna pajjiżi, mhux lanqas Malta, mhux lanqas il-ħajja pubblika. L-individwaliżmu jmur kontra n-natura stess tal-bniedem li hu esseri gregarju; ħafna mill-kisbiet kbar tal-bniedem ma sarux minn individwi waħedhom imma minn gruppi; timijiet ta’ nies li t-total tagħhom ikun akbar mis-somma tal-individwi li jagħmluhom.
L-ossessjoni tal-flus, anke b’mezzi korrotti
L-istess l-ossessjoni tal-flus li huma importanti imma meta jkunu għodda għall-ġid, mhux ossessjoni, kilba, skop fihom infushom. Dan hu li qed naraw ukoll fil-ħajja pubblika Maltija bħalissa: it-twarrib tar-ruħ soċjali minn individwi li sar evidenti issa li daħlu fil-ħajja pubblika biex jagħmlu l-flus, anke b’mezzi illegali u korrotti, flok biex iservu lid-dgħajfin, kif għandu jkun l-għan nadif u onest tal-ħajja pubblika.
Grupp flimkien jikseb aktar minn ġabra ta’ individwi
Imma l-ġrajja sabiħa ta’ nhar it-Tnejn billejl f’logħba f’Londra, fejn il-protagonisti tagħha lanqas biss kienu qed jilagħbu, turi lid-dinja kollha li grupp flimkien jikseb aktar mill-individwaliżmu; u turi li l-qawwa tal-qlub tegħleb il-ħakma tal-flus.