Internazzjonali

Għall-ewwel darba l-Eurovision ta’ din is-sena ser jixxandar fl-Istati Uniti

Is-serata finali tal-Eurovision Song Contest, dan ix-xahar, se tintwera għall-ewwel darba b’xandira diretta fuq it-Televiżjoni Amerikana.

Dan wara li l-European Broadcasting Union (EBU) wasal fi ftehim mal-Logo cable network, tal-kumpannija tal-media Amerikana, Viacom, biex il-finali tal-konkors tixxandar għall-Amerikani, fl-14 ta’ Mejju.

Jon Ola Sand, eżekuttiv tal-Eurovision, qal li ‘hu kuntent ħafna li, għall-ewwel darba, il-finali tal-konkors se tintwera live lil waħda mill-akbar udjenzi televiżivi fid-dinja’.

Il-61 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest se ssir fi Stokkolma, fl-Iżvezja, bejn l-10 u l-14 ta’ Mejju. Din hi t-tielet darba li l-Iżvezja qed torganizza l-konkors, wara dawk tal-1975 u l-2000.

Intant, hemm stennija kbira għaż-żewġ semi-finali tal-Eurovision, fl-10 u t-12 ta’ Mejju, fost rapporti li, fl-Istati Uniti, se jkun hemm ukoll streaming tal-finali fuq il-websajt u l- mobile app tan-network ta’ Logo, li ilu mwaqqaf mill-2012 u li jittrasmetti għal kwazi 50 miljun dar.