Lokali

Il-GWU tipprova xxekkel ir-rikonoxximent tal-UĦM Voice of the Workers fil-Freeport

It-Tlieta li għadda, il-UĦM Voice of The Workers ħabbret li rebħet lura r-rikonoxximent bħala l-Union li se tirrapreżenta lill-ħaddiema tal-Freeport.

Iżda l-għada li l-UĦM ħabbret dan, il-Union l-oħra li kkontestat għall-istess elezzjoni, il-GWU, qed issostni li l-UĦM m’għandux ikollha r-rikonoxximent tal-ħaddiema fil-Freeport għax ma ġabitx il-50 fil-mija u wieħed.

Min-naħa tagħha, il-UĦM Voice of The Workers qed tiċħad dan għax ġabet 52 fil-mija tal-voti. F’kumment lil NETnews, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of The Workers Josef Vella kkonferma dan, filwaqt li għamel referenza għar-rapport tal-proċess ta’ verifika dwar is-sħubija trejdunjonistika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja pprova jispjega għaliex il-GWU ma tistax taċċetta r-riżultat. Hu sostna li ħadd miż-żewġ unions ma għandhom il-maġġoranza tal-fiduċja tal-ħaddiema tal-Freeport.

Iżda l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of The Workers qal li l-GWU għandha tirrispetta dan il-proċess demokratiku u d-deċiżjoni tal-ħaddiema. Sostna li ma jistax jifhem għaliex il-GWU ma tistax taċċetta r-riżultat uffiċjali, li bih il-UĦM rebħet lura r-rikonoxximent tal-ħaddiema fil-Freeport.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM qal li dan ir-riżultat hu l-bidu tal-ħidma tal-union f’dan il-post tax-xogħol, filwaqt li ħeġġeġ lill-Management tal-Malta Freeport biex jagħtiha r-rikonoxximent mingħajr dewmien.