Lokali Parlament

Il-Ministru Konrad Mizzi ma wettaqx il-wegħdi ta’ Muscat fis-servizzi tas-saħħa

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, sejħet bħala insult li l-Prim Ministru iddikjara li se jħalli lill-Ministru Konrad Mizzi fil-Kabinett tiegħu għax irnexxa, meta fis-servizzi tas-saħħa dan il-Ministru għamel diżastru fl-emerġenza, bidel il-kuriduri fi swali, qed ibigħ f’deal waħda l-isptar ta’ Għawdex, ta’ San Luqa u Karen Grech, u l-istennija twalet biex pazjenti jaraw konsulenti tant li kien hemm 135,000 pazjent li ħallsu biex jinqdew fil-privat u l-100,000 f’riskju tal-faqar jistennew.

Fid-dibattitu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, Claudette Buttigieg sejħet għal dak li qal Muscat li mhux se jneħħi lil Konrad Mizzi “because he delivers”, bħala insult lill-bqija tal-Kabinett, lill-back benchers u lill-poplu li qed isegwi dan l-iskandlu ta’ Ministru li kiser il-liġi u xorta se jibqa’ Ministru.

Fissret li l-wegħdiet li għamel Joseph Muscat fil-qasam tas-saħħa suppost li twettqu minn Konrad Mizzi.

Sitwazzjoni ta’ diżastru fl-emerġenza
Fost il-wegħdi ewlenin li għamel Konrad Mizzi, Muscat u l-Partit Laburista kien hemm dik ta’ “Sptar fejn tinqeda aħjar u fil-ħin”.
Staqsiet fejn u meta qed jinqdew aħjar u aktar fil-ħin in-nies. Semmiet li fl-emerġenza, il-MAM qed tgħid li hemm diżastru. Il-ħaddiema ma jifilħux aktar. In-nies qed ikollhom idumu jistennew ħafna biex jinqdew mill-Emerġenza, fejn hawn il-ħaddiema qed jitolbu transfer għax qed iħossuhom imkissrin.

Ikkritikat kif il-pazjenti qed jitqiesu bħala numru. Semmiet kif it-tobba, l-infermiera jew l-istaff li jagħtu aktar attenzjoni lejn pazjent, kif suppost, jaqilgħu ċamata u jibgħat għalihom wieħed mill-orakli tal-isptar għax qed iċemplulu minn Kastilja biex jgħaġġel u jeħles mill-pazjenti ħalli ma jkunx hemm tgergir.

Kuriduri u saħansitra store rooms isiru wards
Kien hemm ukoll il-wegħda “li jitneħħew is-sodod mill-kuriduri”. Claudette Buttigieg staqsiet jekk kinitx l-idea ta’ Konrad Mizzi li ċerti kuriduri u saħansitra store rooms isiru wards. Semmiet kif kuriduri u stores bla twieqi qed jintużaw biex jitpoġġew il-pazjenti fihom u jingħataw ukoll isem biex meta tistaqsi kemm hemm nies fil-kuriduri jgħidu xejn!

Ikkritikat lill-Ministru Konrad Mizzi li qed jidħak bil-pazjenti u bil-vulnerabbli, u għal dan, il-Ministru Konrad Mizzi għandu għal xiex jistħi.

Pazjenti b’suspett ta’ kanċer eżaminati wara tliet ġimgħat flok tlett ijiem
Quddiem il-wegħda l-oħra li jnaqqsu l-istennija u l-waiting lists, ix-Shadow Minister qalet li l-istennija saret mhux biss biex tagħmel l-operazzjoni imma saret ferm itwal biex jarak konsulent. Semmiet li tobba tal-familja li jsostnu li hemm pazjenti b’suspett serju li għandhom kanċer, li minflok tliet ġimgħat. Hemm ukoll pazjenti bid-dijabete li ilhom jistennew biex jarahom konsulent aktar minn sena.

Irriferiet ukoll għall-wegħda sagrosanta li nkistret meta llum nafu li s-saħħa m’għadhiex b’xejn għal kulħadd għax min ma jiflaħx jistenna aktar u għandu minn fejn iħallas, qed imur jinqeda fil-privat. Iżda min ma jiflaħx iħallas, dawk il-100,000 f’riskju ta’ faqar, dawk qed ikollhom jistennew.

135,034 persuna jħallsu biex jinqdew fil-privat
Fissret li kien hemm 135,034 persuna li ħallsu biex jinqdew fil-privat is-sena l-oħra – 28% tal-pazjenti kollha li marru fl-Outpatient is-sena l-oħra. Sejħet dan bħala vot ta’ sfiduċja fis-servizzi tas-saħħa ta’ dan il-Gvern taħt it-tmexxija tal-Ministru Konrad Mizzi.

Ix-Shadow Minister fakkret ukoll fil-wegħda li jimmodernizzaw l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u minflok sab kumpanija li fuqha ma nafu xejn u biegħelha mhux biss l-isptar t’Għawdex iżda tahom package deal u issa se jagħtihom l-Isptar t’Għawdex, ta’ St Lukes u Karin Grech.

Il-unions qalu ‘no deal’ lill-Ministru Konrad Mizzi dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet
Quddiem din id-deċiżjoni tal-Gvern, qalet Claudette Buttigieg, il-unions talbu għad-due diligence tal-kumpanija li se tieħu dawn l-isptarijiet f’idejha, u l-Ministru Konrad Mizzi ma kienx kapaċi jagħti ebda waħda minn dawn il-garanziji. U l-unions ma ffirmawx u għal dan id-deal qalulu ‘no deal’.

Ix-Shadow Minister qalet li Konrad Mizzi illum għandu jitneħħa għaliex ma jistax ikollok Ministru li jidħak bin-nies f’wiċċhom qisu xejn mhu xejn. Appellat lill-Parlament biex ikollu l-kuraġġ jagħmel dak li l-Prim Ministru ma kellux il-kuraġġ jagħmel u jneħħi lil Konrad Mizzi mill-poter li qed jikkorrompi s-sens ta’ ġustizzja morali f’pajjiżna.

Ix-Shadow Minister saħqet li jekk Konrad Mizzi jibqa’ Ministru, il-poplu se jitlef kull fiduċja fil-membri ta’ din il-kamra, u wara jkun tard wisq.