Lokali

Il-PN jinsab fuq in-naha tas-sewwa – Simon Busuttil

Bil-vot u bid-diskorsi fil-Parlament illejla, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni kien fuq in-naħa tas-sewwa, u rrifletta is-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil f’kummenti mal-ġurnalisti wara d-dibattitu ta’ mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi. Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti fuq il-kwistjoni tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, ladarba l-Prim Ministru qiegħed jagħżel li dejjem iżommha miftuħha, minflok ma jagħlaqha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li llum, il-Prim Ministru kellu opportunità li jagħlaq l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, iżda din l-opportunità tilifha. “Il-Prim Ministru sadd widnejh kompletament għal dak li jridu u qed jgħidu n-nies,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li sostna li l-Prim Ministru għażel l-interess personali flok l-interess nazzjonali.

Simon Busuttil temm jgħid li hu ta’ diżappunt għall-Oppożizzjoni li l-ogħla istituzzjoni ma ħaditx l-opportunità biex ladarba l-Prim Ministru ma keċċiex lil Konrad Mizzi hu fir-reshuffle farsa tal-ġimgħa li għaddiet, kien ikun il-Parlament li jagħmel dan.