Lokali Qorti

Il-Qorti tirrifjuta dokument ta’ espert imqabbad minnha

Il-Qorti tieħu deċiżjoni dwar espert imqabbad minnha, li biha se taffettwa numru kbir ta’ każijiet pendenti oħra – hekk kif dan l-istess espert hu involut fihom.

Il-Qorti tal-Appell, iffurmata mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Imħallef Giannino Caruana Demajo, u l-Imħallef Noel Cuschieri, laqgħat it-talba waqt il-plenarja ta’ nhar il-Ġimgħa, hekk kif l-appellanti Kurt u Karl Chetcuti Bonavita u David Cassar ikkontestaw ir-rapport imressaq mill-espert tal-Qorti Martin Bajada dwar il-kaligrafija, hekk kif dan l-istess espert għandu kondotta kriminali li ġiet imtebba’ minħabba l-falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

It-tliet Imħallfin stqarru li mhux biss kien fl-interess tal-appellanti li ttieħdet din id-deċiżjoni, iżda kien fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja inġenerali. Il-Qorti stqarret li din id-deċiżjoni saret fi sfond ta’ prinċipju fundamentali tal-liġi Maltija – dik li l-ġustizzja mhux biss trid issir, iżda trid tidher li qegħda ssir.

Minkejja l-każ magħruf tal-espert tal-Qorti Martin Bajada, l-Qorti xorta waħda baqgħat tappuntah f’diversi każijiet bħala l-espert tagħha.

Fid-dokumenti li tressqu quddiem il-Qorti bħala provi tal-kondotta kriminali tal-espert tal-Qorti, juru li fl-1993 Martin Bajada ammetta li seraq quddiem il-Qorti ta’ Kingston-upon-Thames Crown Court fir-Renju Unit, fejn ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi. Id-dokumenti mressqa l-Qorti jixhdu li Bajada, li dan l-aħħar gradwa bħala avukat, u li dak iż-żmien kien jaħdem mal-Air Malta, kien seraq €59,329.

L-esperti tal-Qorti jiġu appuntati mill-membri tal-ġudikatura, u fid-dawl tar-reviżjoni fl-istruttura legali kemm il-Kamra tal-Avukati u kif ukoll il-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja mmexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, talbu għall-tibdil tal-mod kif jiġu appuntati l-esperti fil-Qrati Maltin. Minkejja dan, s’issa, dawn ir-riformi għadhom ma seħħux.