Illejla l-Parlament se jiddiskuti l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, li ressqet l-eks Deputat Laburista Marlene Farrugia. Is-seduta ta’ ħames sigħat tibda fl-4.30pm, bil-vot mistenni jittieħed għall-ħabta tad-9.30pm.
L-eks Deputat Laburista Marlene Farrugia ħabbret li kienet se tressaq din il-Mozzjoni meta l-Parlament kien qed jiddiskuti Mozzjoni ta’ Sfiduċja li l-Oppożizzjoni ressqet fil-konfront tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Fil-jiem li għaddew, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ddikjarat li se tkun qed tivvota favur din il-Mozzjoni għax bir-reshuffle farsa li għamel il-Prim Ministru Muscat, Konrad Mizzi xorta tħalla Ministru.
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru nnifsu qal lill-ġurnalisti li mhux se jagħti ‘free vote’ lid-Deputati Laburisti għax skont hu ‘free vote’ jingħata biss dwar xi kwistjoni ta’ kuxjenza.
Sadanittant, il-mezzi tax-xandir tagħna se jippreżentaw servizzi speċjali biex isegwu din id-diskussjoni parlamentari. NETnews.com.mt se jxandar LIVE id-dibattitu parlamentari, filwaqt li NET Television u Radio 101 se jingħaqdu f’xandira speċjali tal-programm Newsfeed.
//= $special ?>

