BLOGS

Inugwaljanza Sfaċċata fl-Aħjar Kabinett

Ix-xemx titla’ għal kulħadd, imma hemm uħud li għalihom ix-xemx donnha titla’ u qatt ma tinżel. Minkejja d-dawl dgħajjef tal-qamar, anke fl-eqqel tal-lejl, uħud għandhom il-grazzja divina li jixxemmxu meta ħaddieħor ikun rieqed.

Konrad Mizzi huwa wieħed minn dawn ix-‘xemmiexa’ li taħt il-Gvern Laburista mmexxi mill-akbar ħabib tiegħu jibqa’ jilgħaq ġelat wara l-ieħor minn fuq dahar il-poplu; poplu li llum aktar minn qatt qabel għandu porzjon imdaqqas minnu li jinsab f’riskju ta’ faqar. Litteralment, min mejjet għal qatra u dal-ftit allat imdawrin mal-Prim mejtin fis-sakra.

Dan l-aħħar ‘re-shuffle’ laqatni tassew għall-istil politiku ġdid imfassal mill-Priministru fejn issa, f’dan l-aqwa kabinett tal-istorja politika Malitja – qas idea ta’ x’jista’ jkun l-aqwa kabinett ma għandhom aħseb u ara! – għandna Ministru mingħajr portafol ministerjali u Priministru li huwa inkarigat mil-Lands u l-Enerġija.

Pass, pass: Konrad Mizzi esklussivament kien l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li kien involut direttament fil-każ tal-Panama Papers u issa huwa possibbilment l-uniku ministru li fil-verità mhuwiex ministru; gidba mqanżħa minn Priministru li qed jiftaħar li ħa deċiżjoni: deċiżjoni li biha jkompli jitmejjel bil-poplu għax fil-verità ma jidher li se jkun qed jieħu l-ebda deċiżjoni. B’Konrad Mizzi mas-saqajn f’Kastilja (jew aktar iggranfat ma’ għonq il-Priministru) bħala ministru li jiġi assenjat xogħol speċifiku u bi Priministru mħabbat jinnegozja ma’ kull pajjiż u kumpanija ‘black listed’ fid-dinja, huwa possibbli li ħafna mix-xogħol relatat mal-Enerġija ser ikun qed jagħmlu Mizzi stess, waqt li l-konsulenti f’Kastilja jfittxu fuqxiex jiktbu biex ikomplu jikkonfermaw li hemm nies u hemm nies, jew aħjar, fi kliem il-Ministru favorit ta’ Charles Mangion u Konrad Mizzi, jiġifieri Evarist Bartolo, hemm ‘annimali’ u hemm ‘allat’ jilagħqu l-ġelati fix-xemx tgħammex bħal tal-British Virgin Islands fejn iħobb imur xemmiex ieħor minn ta’ Kastilja li miegħu ma ntużatx l-istess riga bħal ta’ Mizzi.

Sadanittant, il-Priministru jafferma li Mizzi ma għamel xejn ħażin. Mela għala qed ‘iwarrbu’? Jew ma warrbux? Mhux kulħadd l-istess… għax lil Falzon remieh ‘il barra anke jekk ukoll miskin ma għamel xejn ħażin!

Dan il-portafol non-portafol, kummiedja tipika ta’ Priministru li tilef il-kontroll tal-Partit tiegħu u tal-Gvern, kważi kważi xejjen aħbar li messha għamlet aktar aħbarijiet: ir-ritorn ta’ Manuel Mallia bħala Ministru. Dawn huma d-deċiżjonijiet li jaf jieħu l-Priministru? B’dawn id-deċiżjonijiet irid jiftaħar il-Gvern?

‘Re-shuffle’ li huwa konferma ċara li Joseph Muscat ma għandux minn fejn jagħżel. ‘Musical chairs’ orkestrata. X’ser ikunu qed jgħidu dawk l-esponenti ewlenin fil-Partit li talbu għar-riżenja ta’ Mizzi issa? Nassumi li anke huma ndunaw li l-Priministru qiegħed jitmejjel bihom ukoll! Ineħħi minn hawn, iqiegħed lil hemm. U fejn ma jsib lil ħadd, jieħdu f’idejh hu! Imma donnu dejjem ikun kawt liema Ministeri jżomm taħt idejh. X’kumbinazzjoni, tal-Lands u l-Enerġija. Tfakkira tal-aħħar, ippermettuli: iż-żewġ Ministeri li kienu direttament involuti fl-akbar ħmieġ tat-Tagħna Lkoll kienu, għadhom u aktarx jibqgħu taħt idejn it-tliet pilastri ta’ dal-Gvern.

Ministri bla portafol!
Gvern bla diċenza!
Road map fażulla!
Partit Laburista!

Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-Erbgħa, 4 ta’ Mejju 2016.
Justin Schembri huwa Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq it-8 distrett.