Il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi ma rriżenjax minn jeddu juri li l-kilba għall-poter hi akbar mill-imħabba tiegħu għall-pajjiż. Dan sostnietu d-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia, meta l-bieraħ fil-Parlament għalqet id-diskussjoni dwar mozzjoni mressqa minnha stess dwar sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi.
Marlene Farrugia qalet li meta pajjiżna ħa l-indipendenza, il-poplu Malti ħa f’idejh id-dipendenza fost affarijiet oħra tal-mexxejja li jeleġġi. Hi qalet li l-mozzjoni li ressqet kienet għaliex fil-Gvern hemm Ministru li ftit jiem wara li sar ministru fetaħ kont fil-Panama.
Hu xebbħet lilha nnifisha bħala omm b’bint jisimha Malta. F’din is-sitwazzjoni hi bħala omm u bintha taw il-fiduċja tagħhom lil raġel li kkonvinċihom bi kliem sabiħ u hi stinkat u ħeġġet lil bintha biex tiżżewweġ lil dak ir-raġel għaliex kien qed joffrilha futur sabiħ. Matul qamar il-għasel, dak ir-raġel xtara dar oħra bil-moħbi. Bħala omm hi staqsiet xi ħsieb għandu biex jagħmel dan il-pass. Marlene Farrugia qalet li l-mozzjoni ma saritx b’arroganza, jew xi tpattija.
Id-Deputat indipendenti qalet tifhem id-diskors imqanqal li għamel il-whip tal-Gvern Godfrey Farrugia. Kienet hi li kkonvinċietu biex hu wkoll jagħti s-sehem tiegħu fil-Moviment Laburista li tant emmnet fih. Hi qalet li l-membri tal-Gvern ġew mitluba mill-kap tagħhom biex il-politika tibda titmexxa fuq regoli ġodda li ma jagħmlux ġieh lil Malta.
Marlene Farrugia staqsiet għaliex Konrad Mizzi kellu jmur il-Panama biex jiftaħ kumpanija. Staqsiet hux biżżejjed li ġew iffirmati kuntratti li baqgħu sigrieti. Hux biżżejjed li kellha tinbena power station fi żmien sentejn u għadha ma tidhirx. Hux biżżejjed li gidbu meta qalu li se jagħmlu ħażna ta’ gass fuq l-art waqt li kienu jafu li dan mhux se jsir. Hi staqsiet kif il-membri tal-Gvern jiġu fil-Parlament u jgħidu li raħħsu l-kontijiet tad-dawl meta dan sar mhux bil-bini tal-power station imma bit-traħħis tal-prezz internazzjonali taż-żejt.
Il-mistoqsiiet li qed jagħmlu n-nies jduru kollha dwar Project Malta entità li responsabbli tagħha hu l-Ministru Konrad Mizzi. Hi qalet li domanda li qed jagħmlu n-nies hi fil-but ta’ min sejrin ċerti flus. Qalet ukoll li n-nies qed jistaqsu kif Konrad Mizzi mhux tajjeb għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista imma tajjeb biex ikun Ministru. Dan ifisser li għall-Prim Ministru l-Partit Laburista hu importanti aktar mill-pajjiż.
Marlene Farrugia qalet li tqajjem ukoll l-argument tal-ekonomija. Dan qed isir bis-saħħa ta’ dak li sar il-bieraħ u llum. Dan ma jistax jinġieb bħala skuża biex jiġġustifika li dak li sar mill-Ministru Konrad Mizzi. Aktar ma tikber l-ekonomija, aktar għandu jkun hemm serjetà fit-tmexxija. Hi qalet li qed jinbiegħ il-ġid tal-poplu Malti. Dak li jinbiegħ ma jerġax jinxtara lura. Meta jkun meħtieġ li jsir bejgħ dan għandu jsir bl-akbar dinjità għall-pajjiż u għall-ħaddiema.
Marlene Farrugia qalet li kienet tistenna li Konrad Mizzi kien jirriżenja waħdu. Il-fatt li ma għamilx dan ifisser li l-kilba għall-poter hi akbar mill-imħabba għal pajjiżu.
Hi qalet li mhux biżżejjed li wieħed jitkellem fuq suċċessi. Dawn għandhom ikunu suċċessi sostenibbli. Ma jixraqx li wara 25 sena fl-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista jitlef il-kredibbiltà tiegħu għal kapriċċ ta’ persuni li jidher ċar li mhux jaġixxu waħedhom. Hu ċar li hemm gvern fil-gvern, bi gvern immexxi mill-Panama Gang. Sostniet li hemm deputati laburisti li jafu bl-affarijiet imma ma jistgħux jitkellmu dwarhom.
Marlene Farrugia qalet li fil-politika hi servizz li fiha persuna tagħti mhux tirċievi. Ma jistax il-poplu jaċċetta regoli li mhumiex aċċettabbli.
“Qegħdin hawn biex niddefendu l-unur ta’ pajjiżna. Ħlifna li nkunu l-għassiesa ta’ pajjiżna. Jekk illum ma nkunux dak li aħna stess pridkajna u lesti nikkundannaw aġir li darab lil Malta u lill-pajjiċ, l-istorja għad tħares u tistaqsi fejn kienu l-Membri Parlamentari meta Malta ġiet bżonnhom.
“Illum hemm xi ħaġa li tebbgħet ir-reputazzjoni ta’ Malta u r-reputazzjoni ta’ min japprova dak l-aġir. Dan mhux aċċettabbli.”
Marlene Farrugia sejħet lill-Membri Parlamentari biex f’ġieħ il-patrijotti Maltin li dejjem iddefendew lill-poplu u lill-pajjiż, għidu li mhux lesti jaċċettaw normi ġodda li jagħmlu ħsara lill-pajjiż.
//= $special ?>