Lokali Parlament

Kuntrattur iħalli makkinarju fin-nofs u jikkawża aktar tbatija għar-residenti fil-Baħrija

Il-kuntrattur li għadu għaddej bix-xogħlijiet fil-Baħrija, liema xogħlijiet ilhom għaddejjin ix-xhur u qed jikkawżaw inkonvenjenzi kbar lir-residenti li huma maqbuda fi djarhom, ħalla l-makkinarju fin-nofs l-għada li d-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg tkellem fil-Parlament dwar it-tbatijiet li għaddejjin minnhom ir-residenti.

Dan kien irrimarkat mir-residenti li fuq Facebook esprimew ir-rabja tagħhom għall-mod kif kuntrattur ħalla l-makkinarju fin-nofs, b’wieħed mir-residenti jistaqsi jekk dan kienx b’kumbinazzjoni jew b’vendikazzjoni.

Fil-Parlament, il-ġimgħa li għaddiet id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg ippropona li t-triq fejn tħalla l-makkinarju fin-nofs, tkun miftuħa fil-peak hours.

Residenti juru r-rabja fuq Facebook
Resident ikkummenta b’rabja li l-kuntrattur ħalla l makkinarju fin-nofs biex ir-residenti ma jkunux jistgħu jgħaddu meta hemm ħafna post fejn jipparkjah.

L-istess resident irrimarka li minħabba dak li sejjaħ bħala “ħdura”, ir-residenti jridu jduru d-dawra ta’ Ħad-Dingli u flok isuqu 200 metru jridu jagħmlu dawra ta’ 25 minuta, u bil-lejl din id-dawra ssir fi triq dlam ċappa.

Għal dawn il-kummenti fuq Facebook, kienu diversi persuni mhux residenti l-Baħrija li esprimew is-solidarjetà mar-residenti u wkoll l-istmerrija għal mod kif qed isiru x-xogħlijiet b’inkonvenjenzi kbar għar-residenti.

Sitwazzjoni li ddeġenera f’waħda ta’ tbatija
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg kien spjega fil-Parlament, kif proġett li jwassal is-servizzi tad-drenaġġ mill-qalba tar-Rabat għall-Baħrija li nbeda għaxar xhur ilu, iddeġenera f’sitwazzjoni ta’ tbatija, f’inkonvenjent kbir u bir-residenti fiz-zona li jlaħħqu madwar 1,200 f’500 familja priġunieri fi djarhom u mhux biss, jinsabu f’periklu f’każ ta’ emerġenza u bżonn ta’ ambulanza, jew fire engine.

Dwar il-periklu f’każ ta’ emerġenza, kien hemm aktar esperjenzi fuq Facebook li jkomplu jikkonfermaw is-sitwazzjoni gravi li jinsabu fiha r-residenti. Kumment ta’ persuna oħra kompla jikxef is-sitwazzjoni gravi li qed jgħixu fiha r-residenti. Filwaqt li b’mod sarkastiku “feraħ” u qal prosit lil min ippjana x-xogħlijiet marbuta ma’ dan il-proġett, spjega d-diffikultà li sab ruħu fiha meta missieru sofra minn puplesija.

Spjega li ħa 30 minuta biex mir-Rabat wasal sal-Baħrija, u 30 minuta oħra biex ħareġ mill-Baħrija għar-Rabat. Spjega wkoll kif fl-għaġla li kellu biex jasal ħdejn missieru, kważi ħabat bil-karozza minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha t-triq ta’ devjazzjoni.
Esprima t-tama li dan il-messaġġ fuq il-midja soċjali jasal għand l-awtoritajiet u għand min hu responsabbli biex tittieħed xi forma ta’ azzjoni. Awgura wkoll li ħadd ma jgħaddi mill-esperjenza biex wasal b’urġenza l-isptar.

Fir-reazzjoni tiegħu għal dawn il-kummenti u r-rabja tan-nies, id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li mhux se jieqaf mad-diskors li għamel fil-Parlament. Antoine Borg wiegħed li se jkompli jagħmel pressjoni, jitkellem u jżomm il-mezzi tax-xandir aġġġornati b’dak kollu li qed jiġri sakemm ir-residenti u l-familjari tagħhom jieħdu dak li ħaqqhom – iġifieri li jkunu jistgħu jidħlu u joħorġu minn djarhom bħan-nies.

Il-proġett fil-Baħrija qed isir b’fondi Ewropej miksuba mill-amministrazzjoni Nazzjonalista. Hu proġett milqugħ minn kulħadd, u hemm bżonnu. Il-proġett jinvolvi tqattigħ sostanzjali ta’ trinek fit-toroq, liema xogħol dejjem iwassal għal inkonvenjent.

Iżda minn sitwazzjoni ta’ nkonvenjent, iddeġenerat għal sitwazzjoni impossibbli, qed ibatu n-nies, in-negozji fil-Baħrija u dawk fil-qalba tar-Rabat.

Dan l-inkonvenjent hu kawża wkoll tad-deċiżjoni li jiġu allokati ftit riżorsi għal proġett ta’ żewġ kilometri u nofs meta għal xhur sħaħ kienu nnutati tliet ħaddiema biss.