Godfrey Gambin ta’ 40 sena mill-Iklin u Mohammed Babani ta’ 51 sena ma nstabux ħatja ta’ assoċjazzjoni, importazzjoni u pussess aggravat f’każ li ilu għaddej sitt snin.
L-irġiel kienu qed jiġu akkużati b’assoċjazzjazzjoni (konfoffa) biex idaħħlu f’Malta 20 kilogramma reżina tal-kannabis, b’importazzjoni tad-droga u b’pussess f’ammonti li juri li d-droga ma kinitx għall-użu personali tagħhom.
Il-każ ilu għaddej mill-2010, meta ż-żewġ irġiel kienu ġew arrestati fix-Xemxija flimkien ma’ persuna oħra, Nabeil Ibrahim Saleh ta’ 44 sena li kien ħarab minn Malta fl-2012 wara 22 xahar ta’ arrest preventiv.
L-irġiel kienu nqabdu mal-wasla tagħhom fuq speedboat fix-Xemxija, f’operazzjoni mill-Pulizija. Il-ġuri, wara sitt snin, qanqal kontroversja, wara li l-eks Assistent Kummissarju Neil Harrison xehed fil-Qorti li l-Pulizija kienet miftehma ma’ wieħed mill-irġiel fuq id-dagħjsa li wasslet id-droga lill-irġiel, f’dik li tissejjaħ “controlled delivery”.
Waqt il-ġuri, id-difiża użat l-argument li dan il-fatt, jiġifieri li d-droga twasslet lill-akkużati bħala parti minn operazzjoni tal-Pulizija, biex tikkontesta l-legalità tal-operazzjoni.
Waqt li l-Imħallef Edwina Grima kienet qed taqra s-sentenza, kienet evidenti l-kommossjoni fl-awla.
Filwaqt li l-irġiel ġew illiberati mill-akkużi ta’ assoċjazzjoni, importazzjoni u pussess aggravat, Godfrey Gambin instab ħati ta’ pussess sempliċi ta’ reżina u ħaxixa tal-kannabis u għal dan ingħata sentejn ħabs sospiżi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Gianella Camilleri Busuttil u l-Avukat Nadia Attard, filwaqt li l-Avukati Alfred Abela, Franco Debono u Mario Mifsud dehru għal Godfrey Gambin. L-Avukat Malcolm Mifsud deher għal Mohammed Babani.
//= $special ?>